Sunday, January 11, 2026

Deħlin f’era ta’ impunità u theddid serju fuq il-liġi internazzjonali

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem rajna żviluppi bla preċedent fil-qasam internazzjonali.  Żviluppi li ħolqu tensjoni kbira. Rajna l-attakk studjat u preċiż mill-Istati Uniti fuq l-Istat sovran tal-Venezwela. Attakk li wassal biex inħataf il-Kap ta’ l-Istat tal-Venezwela. Dan donnu ma kienx biżżejjed u rajna attakk ieħor permezz ta’ dikjarazzjonijiet li kienu qegħdin jippuntaw fuq il-pjani tal-Istati Uniti li tieħu lil Greenland. 

Dikjarazzjonijiet li ħolqu allarm fost mexxejja Ewropej. Ma’ dan imbagħad kellna l-intervent ta’ l-armata Amerikana fuq tanker Russu li kien qiegħed iġorr żejt tal-Venezwela, intervent li wassal biex ir-Russja tibgħat bastimenti militari għax it-tanker kien itajjar il-bandiera marittima Russa. Ma’ dawn kellek il-fatt li fil-Palestina u f’Gaża jibqgħu għaddejjin l-attakki mill-Gvern ta’ Netanyahu. Xi jfissru eżattament dawn l-episodji?  Għaliex qegħdin iseħħu?  X’hemm warajhom? L-intenzjonijiet x’inhuma? 

Nemmnu li dak li seħħ mhumiex sintomu biss ta’ pajjiż bħal Istati Uniti li qiegħed juża is-saħħa tiegħu fuq min hu dgħajjef. Mhux każ biss ta’ ġlieda għar-riżorsi naturali. Nemmnu imma li hemm xi ħaġa ħafna aktar serja. Nemmnu li llum hi ċara aktar minn qatt qabel li ninsabu fil-bidu ta’ era partikolari – dik tal-impunità. 

Fit-3 ta’ Jannar, mingħajr provokazzjoni, kawża, jew ġustifikazzjoni legali, l-Istati Uniti bbumbardjaw il-Venezwela. Ħatfu b’mod vjolenti lill-President u l-martu. Filmati li intwerew ġabuhom marbutin, għattewlhom għajnejhom, soddewlhom widnejhom u ġarrewhom lejn l-Istati Uniti. Prattikament umiljazzjoni. Dan l-attakk sar mingħajr ma’ l-Kungress Amerikan kien infurmat. Attakk li twettaq mingħajr ma kien infurmat il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. 

M’hemm ebda dubju li dak li seħħ kien ksur sfaċċat tal-liġi internazzjonali u għalhekk ma kienx b’sorpriża li għal dan l-attakk saru kundanni u protesti fit-toroq madwar id-dinja kollha. Rajna organizazzjonijiet sħaħ joħorġu jipprotestaw u fl-Italja u anke pajjiżi oħra inkluż fl-Istati Uniti saru manifestazzjonijiet sħaħ. 

Li jħassbek imma hu li d-dinja tal-Punent, sezzjonijiet sħaħ tal-midja tagħha, pajjiżi fl-Unjoni Ewropa u anke r-reazzjoni tas-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti kienet waħda ta’ kawtela kbira. Kieku dak li wetter l-Istati Uniti sar minn pajjiżi oħra, kien ikollok kundanni, sanzjonijiet jew azzjonijiet oħra. Iżda l-fatt li sar mill-Istati Uniti qiegħda tipprevali l-kawtela. Donnu hemm biża’ li wieħed jitkellem jew jipprova jqajjem azzjoni. Id-domanda li tqum hi għaliex? Kif wieħed jista’ jibqa’ passiv quddiem dak li sar?

U nemmnu li dan qiegħed isir għax proprju resqin lejn era ta’ impunità. Era li fiha pajjiżi b’saħħithom se jħossuhom komdi li jiġu jaqgħu u jqumu mil-liġijiet internazzjonali. U għalhekk iħossuhom komdi, la b’saħħithom, la hemm min hu dgħajjef, li jintereferixxu u jattakkaw pajjiż ieħor mhux b’saħħtu daqshom. U jekk ma tridx, wara li jseħħ l-attakk jiddikjaraw li se jmexxu huma dak il-pajjiż. 

Jekk naraw dak li seħħ fl-aħħar jiem u dak li ilu għaddej f’Gaża, naraw li jidher b’mod ċar ħafna li d-dinja llum bl-ebda mod ma tista’ titrażżan jew tiġi kkontrollata mil-liġi internazzjonali. Lanqas il-prinċipji morali bażiċi u universali m’għadhom jiġu segwiti. Għandna sitwazzjoni fejn jidher li pajjiż jagħmel strateġija u jsegwiha sakemm jieħu dak li jrid. 

U ejja ngħiduha kif inhi, dak li qegħdin naraw illum b’effetti kollha tiegħu, ilna naraw is-sinjali tiegħu.  X’ġara fl-aħħar sena fl-Istati Uniti, nistgħu ngħidu li hu preludju għal dak li deħlin fih. Kienet sena li fiha kompla jispikka t-tindif etniku f’Gaża bl-Istati Uniti ma tiċċaqlaqx u issa bl-attakk ta’ din il-ġimgħa fuq il-Venezwela. Dawn mhumiex azzjonijiet li jheddu biss lil dawn il-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom. Dawn l-azzjonijiet ta’ oppressjoni li mhux kontrollati jheddu lilna ukoll. Jhedduna għax dak imwettaq suppost li twaqqaf jew ġie sanzjonat, imma dan ma sarx.  Jhedduna għax ma nafux din is-sitwazzjoni fejn se tispiċċa. Ma nafux fejn se teħodna.

Jiddispjaċina ngħidu li dak li kien qiegħed isir fl-aħħar xhur kien eżempju ċar li ċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti, il-liġijiet tal-gwerra, id-drittijiet umani, il-liġijiet marittimi u l-liġijiet dwar l-użu tal-forza intefgħu taħt it-tapit.

U dan iġibna għal argument ieħor.  Eżattament x’ġara mill-istituzzjonijiet internazzjonali mwaqqfin wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Istituzzjonijiet li twaqqfu biex jirrispondu għal kunflitti li jinqalgħu u biex jipprevjenu li jerġa’ jseħħ dak li kien seħħ fl-Ewwel u fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fejn huma is-snien tan-Nazzjonijiet Uniti? Jekk inħarsu lejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali naraw li din  hi litteralment iffriżata fid-dawl tas-sanzjonijiet illegali tal-Istati Uniti. Kif nistgħu nibqgħu b’sitwazzjoni fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti iċedi jew ikun kawt quddiem dak li tkun qiegħda twettaq l-Istati Uniti.  Il-Punent u l-Unjoni Ewropea ukoll qagħdu kwieti u kkkuntentaw ruħhom bis-suppost ftehim ta’ paċi f’Gaża, li kif nafu llum ma waqqafx l-attakki, għalkemm naqsu l-intensità tagħhom u għalhekk m’għadhomx imutu nies daqs qabel. Mindu sar dak is-suppost ftehim kulħadd siket. Qishom ma interessahomx aktar x’kien għaddej.

U quddiem dan imbagħad għandna, xi ħaġa oħra li ma tantx tidher imma qiegħda hemm. Il-pressjoni minn korporazzjonijiet kbar li jmexxu industriji sħaħ bħal dik tal-armamenti, taż-żejt u oħrajn. Pressjonijiet li wasslu biex ħolqu sitwazzjoni fejn il-vjolenza fid-dinja eskalat u l-fatt li ma tiġix trattata u ma tkunx kontrollata, din l-istess impunità se nistennewha tiżdied.

Qegħdin ngħidu għax l-impunità taħdem b’mod li aktar ma titmagħha, aktar ma tħalliha għaddejja, aktar issir bil-ġuħ. U dan ifisser li ssir aktar gravi. Li tibda tagħmel affarijiet agħar milli tkun wettqet qabel. U din l-impunità bil-mod il-mod imbagħad nibdew narawha timmanifesta ruħha f’aggressjonijiet, razziżmu u faxxiżmu fost oħrajn, mhux biss fuq pajjiżi dgħajfin imma anke fis-soċjetà ta’ dak il-pajjiż li jkun qiegħed iwettaq l-aggressjoni. Wieħed jista’ jħares lejn ċerti stati fl-Istati Uniti u jara b’għajnejh persekuzzjoni sħiħa li għaddejja fihom minn forzi tal-ordni.  X’impunità ingħataw ċertu forzi tal-ordni.

Konvinti li jekk wieħed jieħu ċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti, l-argument li joħroġ hu li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Venezwela mill-Istati Uniti huma illegali. Anke jekk wieħed iħares lejn il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, se jara li l-imblokk tal-Venezwela mill-Istati Uniti hu illegali. Il-piraterija li twettqet fuq it-tankers taż-żejt tal-Venezwela kienet illegali, għax dan hu att ta’ aggressjoni marittima kemm skont iċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti u l-anke skont il-Liġi tal-Baħar. Nemmnu li dak imwettaq hu ksur tal-prinċipji legali tal-immunità sovrana u l-immunità tal-Istat. L-ibbumbardjar, l-invażjoni, u t-theddid sussegwenti ta’ aktar forza huma kollha illegali u l-fatt li saru bla mistħija ta’ xejn jikkonferma li resqin lejn l-era ta’ impunità.

Konvinti li l-attakk li seħħ kontra l-Venezwela m’għandux x’jaqsam mat-traffikar ta’ droga kif ingħatat l-impressjoni. Konvinti li huma l-ġid minerali li korporazzjonijiet fl-Istati Uniti tant jixtiequ, flimkien mal-fatt li t-tmexxija tal-Venezwela qatt m’aċċettat li tbaxxi rasha għal dak li tgħid u li trid l-Istati Uniti, li wasslu biex dan il-pajjiż ikun attakkat b’dan il-mod.

U minn issa ‘lhemm x’se jiġri? Qegħdin f’pożizzjoni li din it-triq ta’ impunità imorru lura minnha? Nemmnu li bħalissa biex dan iseħħ hu diffiċli għax  hawn wisq firdiet.  Jinħass li hawn nuqqas ta’ politiċi li kapaċi jmexxu lid-dinja u juru direzzjoni biex tirrenja l-paċi mingħajr indħil ta’ korporazzjonjiet b’interessi kummerċjali.  

Nemmnu iżda li qatt mhu tard.  Li hemm bżonn hu li jkun hemm rieda u rispett għal-liġi internazzjonali u d-drittijiet umani. Li nifhmu li aħna differenti minn xulxin imma rridu nirrispettaw lil xulxin u ngħixu flimkien.  Prattikament sforz kollettiv dinji għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja. Il-gwerer ma joħolqux rebbieħa. Joħolqu biss telliefa. Nistennew u naraw fejn se twassalna din is-sitwazzjoni. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport