Tuesday, December 24, 2024

Dehra ġdida għall-marka ikonika Maltija tal-birra Cisk

Aqra wkoll

Il-marka ikonika Maltija tal-birra Cisk, rebbieħa ta’ diversi premjijiet, dan l-aħħar nediet dehra ġdida u vibranti għall-birer ewlenija tagħha Cisk Lager u l-varjant b’livell baxx ta’ karboidrati, Cisk Excel. Il-bottijiet u l-fliexken il-ġodda bdew jidhru fuq l-ixkafef tas-supermarkets u fil-bars u l-gabbani popolari madwar Malta u Għawdex.

Din it-tnedija hija l-ewwel fażi ta’ proġett ferm itwal, li issa ilu jinħema ftit taż-żmien mhux ħażin, li tfassal bi proċess dettaljat u involva r-riċerka fis-suq, it-tfassil ta’ strateġija u l-ħsieb kreattiv, f’kollaborazzjoni mal-aġenzija bluemarlin li hi bbażata l-Ingilterra. Mill-kuluri vibranti saż-żiemel il-ġdid fuq il-kelma Cisk, l-elementi kollha qed jibnu fuq l-istorja u l-legat kburi tal-marka. Id-disinn hu ċċentrat madwar Malta u jħares lejn il-ġejjieni b’kunfidenza.

Cisk, il-marka ewlenija stabbilita tal-Birrerija Farsons, twieldet fl-1929 u ma damitx ma sawwret irwol importanti fl-industrija tax-xorb lokali. Għall-bidu kienet tiġi prodotta mill-familja Scicluna fi żmien meta l-kultura lokali kienet aktar ibbażata fuq ix-xorb tal-inbid, imma maż-żmien is-suq lokali beda japprezza u jħaddan aktar l-imħabba għall-birra.

Susan Weenink Camilleri, Head of Sales & Marketing ta’ Simonds Farsons Cisk plc qalet: “Għamilna passi kbar minn meta ħriġna l-ewwel birra Cisk fl-1929. Illum marki stabbiliti għandhom rwol ewlieni fil-ħajja tal-konsumaturi tagħna u, bis-saħħa ta’ dan it-tiġdid li qed isir lill-marka, u l-immodernizzar tad-dehra viżiva, qed nagħmlu stqarrija ikbar u aktar prominenti, bil-lest għas-seklu 21.” 

Is-Sinjura Weenink Camilleri qalet ukoll li, “L-immodernizzar tal-identità tal-marka Cisk jinkludi ħafna elementi li flimkien jagħmlu ħaġa kbira. Mill-użu sottili tas-salib ta’ Malta, magħruf u rispettat minn ħafna, għall-kitba spikkanti bl-aħmar, kull element tqies b’attenzjoni u tfassal biex jikkomunika l-oriġini tagħna, l-identità tal-marka tagħna, u jagħmilna aktar konformi mal-istrateġija li fassalna.” 

L-identità l-ġdida hi kkumplimentata bil-firma taċ-Ċisk, John Scicluna.

Illum iċ-Cisk tissajjar f’birrerija tal-ogħla livell li ilha stabbilita u li tibqa’ impenjata lejn it-tradizzjonijiet u l-patrimonju tal-familja li żammew ħajja l-marka għal dawn is-snin kollha.

Iċ-Cisk Lager oriġinali hi lewn id-deheb u ssir bil-fermentazzjoni tal-qiegħ li tagħtiha korpożità distintiva u bilanċjata. L-aroma qawwija ta’ hops u t-togħma morra tagħha wassluha biex issir l-għażla naturali ta’ dawk li jħobbu jixorbu l-birra biex, minbarra li jaqtgħu l-għatx, ikunu jixtiequ jgawdu l-birra oriġinali li baqgħet dejjem leali lejn ir-riċetta tal-1929.

Ekonomija

Sport