Il-prim ministru tal-Belġju Bart De Wever, illum se jlaqqa l-Kunsill Nazzjonali tas-Sigurta wara li drones dehru jittajru fuq l-ajruport ċivili Zaventem fi Brussell u fuq il-bażi militari tal-ajru ta’ Kleine-Brogel nhar it-Tlieta filgħaxija. L-iskala tal-inċidenti bid-drones kienet ħafna akbar milli kien maħsub inizjalment mill-gvern kif ġie indikat fis-sessjoni magħluqa tal-Kumitat Parlamentari għad-Difiża l-bieraħ filgħodu.
Dan ġie kkonfermat ukoll fuq il-midja soċjali minn Geert Cluckers, is-sindku ta’ Diest li għarraf lir-residenti li nhar it-Tlieta filgħaxija l-pulizija u l-militar irrappurtat li 4 drones dehru ‘il fuq mill-bażi tal-ajru militari f’Schaffen.
Qal ukoll li l-awtoritajiet kompetenti ġew infurmati u ma m’hemm l-ebda raġuni għal paniku, iżda naturalment is-servizzi tas-sigurtà se jibqgħu viġilanti ħafna.
Nhar it-Tlieta filgħaxija, it-titjiriet kollha minn u lejn l-ajruport Zaventem ta’ Brussell twaqqfu għal ftit ħin wara d-dehra tad-drones fuq l-ajruport. It-traffiku tal-ajru reġa’ ġie għan-normal ftit żmien wara iżda mbagħad ingħalaq mill-ġdid. L-ajruport ta’ Liège wkoll ingħalaq ukoll għal ftit ħin.
B’kollox, erbgħin titjira, sittax minnhom li kellhom jitilqu u 24 titjira li kellhom jaslu ġew ikkanċellati fl-Ajruport ta’ Brussell nhar l-Erbgħa filgħodu b’riżultat tar-rapporti dwar id-drones.
Il-kontrollur tat-traffiku tal-ajru Ewropew Eurocontrol irrapporta wkoll tfixkil fl-ajruporti reġjonali ta’ Antwerp, Ostend, Liège u Charleroi nhar it-Tlieta.
Skont il-VRT, drones dehru wkoll fuq il-bażi tal-ajru ta’ Florennes, fejn hemm ipparkjati ajruplani tal-ġlied F-35s, iżda ma kien hemm l-ebda konferma ta’ dan mill-Ministeru tad-Difiża li imma kkonferma li d-drones ġew osservati f’ħafna postijiet.

