Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdiet meta kelli ħames snin fl-Ingilterra fejn kien jilgħab missieri, Danijel, u saret il-passjoni tiegħi u dak kollu li ngħix għalih.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Victoria Hotspurs FC.
L-esperjenza ma’ Victoria Hotspurs FC kienet waħda fejn tgħallimt ħafna fuq u barra l-grawnd u hija waħda li żgur se niftakar għal dejjem.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess għall-promozzjoni min-National Amateur League 2 għan-National Amateur League 1 bħala Champions?
Ebda sigriet … kellna l-aqwa plejers u l-klabb li jaħdem b’mod professjonali.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Oliver Spiteri?
Il-kowċ, Oliver Spiteri, huwa kowċ ippreparat tajjeb u fuq kollox bniedem mill-aqwa u tgħallimt ħafna minnu l-istaġun li għadda.
Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2 u dan kemm hu differenti minn dak tal-Gozo League?
Il-livell fil-futbol f’Għawdex huwa ħafna ogħla minn dak tan-National Amateur League 1 u National Amateur League 2. Il-livell tal-plejers huwa aħjar u t-timijiet huma ħafna aktar b’saħħithom minn ħafna aspetti…. Il-kwalità tal-plejers u l-baġits. U dan jidher kull meta jiffaċċjaw lil xulxin.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ingħaqadt ma’ Kerċem Ajax FC dan l-istaġun u l-klabb issa huwa wieħed professjonali u huwa stabbilit tajjeb kemm fl-amministrazzjoni kif ukoll fil-faċilitajiet li jipprovdi.
L-ambizzjoni tiegħi hija li nagħmel l-almu tiegħi kuljum u ntejjeb lili nnifsi fuq bażi ta’ kuljum. Li taħdem iebes jagħti l-frott u naf li jekk naħdem iebes se niġbor il-premjijiet fl-aħħar mill-aħħar … xi darba nixtieq nilgħab għat-tim nazzjonali Malti, kif ukoll barra minn Malta.
Għaddi messaġġ finali lill-partitarji numerużi ta’ Victoria Hotspurs FC.
Il-messaġġ tiegħi lill-partitarji ta’ Victoria Hotspurs FC huwa wieħed biss: Grazzi għall-appoġġ mill-isbaħ li tajtuni l-istaġun li għadda!