Wednesday, December 25, 2024

“Dejjem agħmel dak li tħobb u imxi b’qalbek sabiex dak li tixtieq, isir realtà”

Aqra wkoll

Celine Agius hi kantanta li nistgħu ngħidu li bdiet tistabilixxi ruħha wara l-parteċipazzjoni fil-programm X-Factor Malta ftit tas-snin ilu. Il-vuċi tagħha hi waħda li ssaħħrek filwaqt li l-ħiliet tagħha f’dan il-qasam ma tantx tista’ tiddiskutihom.

Dan is-sit tkellem ma’ Celine fejn tatna aktar informazzjoni dwar kif bdiet il-karriera tagħha u xi tfissru għaliha l-kant u l-mużika.

Celine Agius bdiet l-imħabba tagħha minn meta kienet għadha żgħira fejn kellha dawk il-ħames snin u diġa’ bdiet turi l-potenzjal tagħha. Kulfejn tkun kienet tkanta u kulħadd kien jiggostaha l-iktar il-ġenituri tagħha. 

“Niftakar li kont ingħaqadt mal-kors tal-iskola fejn kont nattendi. Kienet l-għalliema stess li ħajritni sabiex inkompli l-kant għax anke hi rat li kelli potenzjal f’dan il-qasam. Jien smajt minnha u komplejt nimraħ dejjem aktar.”

“Il-ġibda mużikali kompliet tikber u dħalt ukoll inkanta fil-kor tal-knisja apparti li bdejt indoqq ukoll il-pjanu. Kont qed inwettaq diversi ħolm li kelli sa minn meta kont żgħira u aktar ma bdejt nikber kollox beda jsir realta’. Minkejja kollox, jien dejjem żammejt saqajja mal-art.”

Saqsejna lil Celine Agius dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’X-Factor lura għas-sena 2019.

“Nara li X-Factor Malta hu wieħed mill-konkorsi ferm għal qalbi. Meta tara dik il-folla tkompli tkanta miegħi u fuq kollox ir-rispons tan-nies mid-djar jibgħatuli diversi messaġġi, il-kuraġġ mingħajr ma trid jiżdied.”

“Niftakar ukoll li fit-tielet staġun ta’ dan il-programm ingħaqad miegħi Glenn Sacco ħala kantant sabiex iffurmajna d-dwett bl-isem ta’ CEL & SACCO.Kienet kollaborazzjoni eċċellenti fejn anke leħinna kien jaqbel ħafna ma’ xulxin. Magħna kien ingħaqad ukoll Glenn, li hu kitarrist, pjanista u kompożitur li jgħinna sabiex nikkreaw il-mużika. ”

Kull darba li ħadet sehem, Celine litteralment ġennet lill-ġurija bil-kant melodjuż tagħha bil-panel u anke l-udjenza li tawha ‘l hekk imsejħa standing ovation.

Hi tgħid li mingħajr ma trid meta tieħu sehem f’X-Factor Malta tispiċċa persuna pubblika u kulfejn tkun in-nies iwaqqfuha u jifirħulha għas-suċċessi li tkun kisbet.

Celine ssemmi lill-partner tagħha Anthea Bugeja li magħha issa qed tkanta u li jaqblu ħafna flimkien.

“Jien u Anthea nieħdu sehem f’diversi gigs u nkunu ferm għal qalbna meta naraw lin-nies li jkomplu miegħek. Tħossok apprezzata u naħseb li dik hi l-isbaħ parti li tkun kantanta.”

Celine semmiet l-apprezzament li l-udjenza tagħtiha bħala kantanta. Iżda kemm huma verament apprezzati l-kantanti Maltin?

“Jien bniedma li nissapportja ħafna l-bands Maltin għax personalment jogħġbuni. Dawn jagħmlu ħafna sagrifiċċji sabiex ikunu jistgħu joħorġu diski u materjal ġdid. F’dawn l-aħħar snin kellna diversi gruppi u kantanti emerġenti bħal Destiny Chukunyere, Kurt Calleja, Red Electrick u Ryan Hili.”

“Inħossni ferm diżappuntata li meta jkun hemm xi kunċert f’Malta ħadd mill-artisti li għadhom qed jimirħu fl-ewwel żminijiet tagħhom tal-mużika ma jiġu mistiedna jkantaw fil-bidu ta’ dawn l-avvenimenti. Fi ftit kliem dejjem tara l-istess uċuh u dan mhux sew.”

“Ili nitkellem dwar inġustizzji fl-industrija tal-mużika lokali għal ħafna żmien u rrid nibqa’ nitkellem sabiex aktar kantanti bħali jingħataw iċ-ċans tagħhom li jesprimu u jesponu t-talenti tagħhom. Ma jistax ikun li l-kantanti li jieħdu sehem huma dawk ‘l hekk imsejħa tal-qalba!”

“Il-mistoqsija tiegħi hi jekk hemm xi ċans li artisti lokali jkollhom il-mument tagħhom fuq il-palk jew bilfors irridu nirbħu X-Factor biex ikollna dan iċ-ċans?”

Ninsab ċerta mija fil-mija li hemm ħafna artisti u kantanti ta’ talent li jixtiequ jkunu aktar rispettati u li jixtiequ li jingħataw iċ-ċans kollu meħtieġ.”

X’se jkun il-futur ta’ Celine Agius?

“Hemm ħafna affarijiet li nixtieq nagħmel f’ħajti. Mat-tfajla tiegħi Anthea se nkunu qed naħdmu fuq aktar materjal ġdid u eventwalment noħorġu single. Fil-verita’ llum ħadd m’għadu joħroġ album iżda jmur għal single music minħabba li diġa’ biex tagħmel xi ħaġa tiswa ħafna flus illum il-ġurnata.”

“ Mill-banda l-oħra, hemm xi proġetti oħra li żammejthom wieqfa xi ftit minħabba problemi ta’ ħin iżda li nixtieq li nwettaqhom. Jien nemmen li kollox għandu jsir pass pass sakemm eventwalment tasal għal dak li tixtieq.”

Celine tgħid li jirnexxielha tlaħħaq sew mal-ħajja tagħha anke grazzi għat-tfajla tagħha Anthea li tissapportjaha f’dak kollu li tagħmel. Hi qed tagħmel kors tal-Masters u għalhekk għandha bżonn ħafna għajnuna li b’xorti tajba qed issibha. 

“Ħajti tinsab impenjata ħafna, qed inħares bħalissa lejn il-lat akkademiku minħabba li nixtieq inġib aktar ċertifikati u qed ninvesti ħafna fih”

Hi tgħid li kantant ikun jixtieq li jkollu aktar parteċipazzjoni f’xi avvenimenti jew programmi mużikali iżda l-isponsors jilagħbu parti importanti f’dan kollu.

“Għalhekk l-appell hu wieħed. Għinu kemm tistgħu lill-kantanti Maltin sabiex joħorġu aktar materjal u fuq kollox li nkabbru aktar l-industrija mużikali.”

Finalment tlabna lil Celine sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant.
“Dejjem agħmel dak li tħobb u imxi b’qalbek sabiex dak li tixtieq, isir realtá.”

Ekonomija

Sport