Monday, July 7, 2025

‘Dejjem agħmel l-affarijiet pass pass, u ffoka fuq l-għan aħħari’ – Nicky Gauci

Aqra wkoll

Minn Cristian

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-motorsport?

Il-karriera tiegħi fil-motorsport bdiet ta’ etá żgħira, ta’ tmien snin. Dejjem kont nieħu gost nara u nisma’ l-ħsejjes tal-karozzi, u dejjem għoġbitni l-idea ta’ tellieqa, anke jekk mhux bil-karozzi. Missieri kien involut fil-hillclimbs, u anke qabel bdejt il-karting, dejjem xtaqt insuqlu l-karozza li kien juża hu fil-hillclimbs.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek fil-motorsport, fosthom l-aħħar suċċess li ksibt fl-Ingilterra.

Wara 16-il sena fil-karting, seba’ snin fil-hillclimbs, esperjenza ta’ kompetizzjoni fil-Formula 4 u ħafna iktar esperjenzi f’dixxiplini oħra tal-motorsport, din is-sena rbaħt scholarship ġewwa l-Ingilterra sabiex nieħu sehem fil-kampjonat tal-Mini Challenge. Fl-ewwel tmien rawnds tal-kampjonat li għaddew, ksibt erba’ podiums – 1st place darba, 2nd place darba u 3rd place darbtejn. Fadal 11-il-rawnd, u kollha ġo trakek ġewwa l-Ingilterra.

X’suċċessi oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Kif semmejt qabel, għandi 16-il sena ta’ esperjenza fil-karting. Irbaħt erba’ kampjonati f’Malta fil-klassi tar-Rotax, kif ukoll kampjonat fi Sqallija tal-istess klassi. Soqt ħafna barra minn xtutna, u ksibt ħafna riżultati tajbin ġewwa l-Bahrain, il-Belġju, Franza, Spanja, l-Italja u xi oħrajn. Fost dawn il-kompetizzjonijiet barra minn Malta huma r-Rotax Max Challenge Grand Finals, ir-Rotax Max Challenge International Trophy, ir-ROK World Finals, ir-Rotax Max Challenge Euro Trophy, ir-ROK Italia, ir-Rotax Max Challenge Zone Sicilia u r-Rotax Max Challenge Italia.

Ta’ 18-il sena, bdejt insuq fil-hillclimbs. Soqt diversi karozzi fosthom Hawke DL6B li hija single seater tas-sena 1971, Mini Cooper S u Mini antika b’magna mmodifikata. Ksibt xi podiums ukoll f’dan iż-żmien.

Fl-2024, ikkompetejt fil-Formula 4 fl-FIA Motorsport Games ġewwa Valencia, fi Spanja fejn spiċċajt fit-13-il post minn 21 sewwieq. L-FIA Motorsport Games huwa avveniment li jsir kull sentejn, organizzat mill-istess entitá li torganizza l-Formula 1, u huwa kkunsidrat bħala l-Olimpjadi tal-Motorsport.

Din is-sena, qiegħed insuq fil-Mini Challenge UK.

Kif tqis il-livell tal-motorsport f’pajjiżna fil-preżent?

Il-Maltin dejjem kienu tajbin fil-motorsport, u maż-żmien qed nitjiebu. Minkejja l-iżvantaggi li għandna f’Malta, dejjem niskbu riżultati tajbin barra minn xtutna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Minn meta saret it-trakka tal-go karts, għamilna pass kbir ‘il quddiem, u t-tfal żgħar qed jiksbu riżultati ħafna itjeb minn dawk li kienu jiksbu ħames snin ilu. Infatti, qed jiżdiedu ħafna tfal ġodda, ġieli anke ta’ erba’ snin. Jalla nżommu dan il-momentum u jkollna trakka tal-karozzi fil-futur qrib, ħalli meta jikbru ftit iktar, ikollhom l-opportunitá sabiex iwettqu l-ħolma tagħhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Motorsport?

Jien nixtieq inkompli nsuq il-karozzi kif qiegħed nagħmel illum, imma fuq livell iktar kompetittiv. Naspira li nikkompeti f’kampjonat tat-Touring Cars fil-futur.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Motorsport.

Dejjem agħmel l-affarijiet pass pass, u ffoka fuq l-għan aħħari. Taħsibx ħafna fuq x’se jiġri jekk ma jirnexxilekx, u tħalli lil ħadd iwaqqfek milli tasal fejn trid tasal!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport