Sunday, December 29, 2024

Dejjem agħmel l-almu tiegħek u aħdem bil-qalb – Harry Savaya

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Harry Savaya huwa d-direttur tekniku, kowċ u sid ta’ Valletta Basketball Club. Hu ilu fi ħdan dan il-klabb sa mis-sena l-oħra fejn għandu esperjenza vasta fil-qasam internazzjonali f’dan l-isport kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ. Hu mexxa diversi timijiet nazzjonali u klabbs fosthom fil-Moldova, il-Kambodja u l-Ġordan. Hu għandu 36 sena b’ċittadinanza doppja, dik Armena u tal-Libanu.

Dan is-sit ħa l-kummenti ta’ Savaya hekk kif ftit tal-jiem oħra jibda staġun ieħor tal-basketball lokali. Fl-istess waqt sirna nafu aktar dwaru u dwar kif beda l-karriera tal-basketball.

“L-ewwelnett tajjeb li ngħid li fil-Libanu, il-basketball hu l-isport ewlieni tal-pajjiż. Jien lgħabt bħala plejer professjonali għal numru ta’ snin. Wara li għamilt madwar seba’ snin nilgħab fl-ogħla livell, kelli nwarrab il-karriera ta’ plejer minħabba sensiela ta’ injuries li sofrejt u li ħallewni ftit indeċiż x’għandi nagħmel. Kien għalhekk li bdejt il-karriera ta’ kowċ u tista’ tgħid li minn hemm ‘l hemm qatt ma ħarist lura.”

“Bdejt nikkowċja lit-tfal u ż-żgħażagħ u dan kien żmien sabiħ għalija għax bdejt nara l-entużjażmu tagħhom u dan xprunani għal iktar impenn. Fl-2014 bdejt il-karriera tiegħi b’mod professjonali u sar ukoll ix-xogħol full-time tiegħi.”

Savaya qal li jiftakar sew ir-rebħ tat-tazza tal-Ġordan meta beda jikkowċja fl-Arabja Sawdija, fl-Armenja, fin-Norveġja, fil-Moldova u anke fil-Libanu. Hu jgħid li l-karriera ta’ kowċ ittih ħafna motivazzjoni speċjalment meta jikkowċja lit-tfal u liż-żgħażagħ li fihom jara l-atleti tal-futur.

“Il-fatt li tkun kowċ hi ferm importanti. Int bħala kowċ kapaċi tbiddel ħajjet in-nies, ittejjeb il-livell tal-plejers u ħafna u ħafna iktar. Jien kommess li ntejjeb il-livell tal-plejers Maltin li jinsabu u se jkunu taħti. Hemm ċerta differenza bejn il-livell f’Malta u dak barra mill-gżejjer Maltin. Jien irrid li l-ħolm li għandhom dawn iż-żgħażagħ isir realta’ għax ħaqqhom!”

Tkellimna dwar Valletta Basketball Club fejn ammetta li t-tim seta’ għamel aħjar fl-istaġun li għadda għalkemm lesti għall-battalji li se joffru x-xhur li ġejjin. Se jkun staġun twil fejn qal li hemm timijiet ferm b’saħħithom iżda huma se jkunu hemm jagħtu sehemhom sabiex ikunu tim li diffiċli tgħaddi minn fuqhom. Hu qal li t-tim il-ġdid tan-nisa se jkun ukoll qed jagħti sehmu għalkemm ilmenta mill-fatt li l-barranin li huma lokali setgħu ingħataw iktar ċans li jilagħbu fil-kampjonat femminili.

Iżda kif Harry Savaya ddeċieda li jiġi hawn f’pajjiżna meta għandu kurrikulu prestiġġjuż bħal dan.

“Qiegħed hawn għax kont għaddej minn żmien ta’ riflessjoni u kont nemmen li Malta se timmotivani biex naħdem iktar għal dak li nħobb. Ikolli nammetti li ma nistax ngħaddii mingħajr il-basketball. Ħajti nħossha vojta mingħajru u għalhekk iddeċidejt li niġi f’Malta anke għax dawn il-gżejjer huma wisq sbieħ. Fl-istess waqt qed nagħmel dak li nħobb u nagħti l-kontribut tiegħi lill-basketball Malti.

Finalment tlabna lil Harry Savaya sabiex jgħaddi messaġġ lit-tfal u liż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista.

“Importanti li tagħmel x’tagħmel qatt m’għandek taqta’ qalbek. Dejjem agħmel l-almu tiegħek, aħdem bil-qalb u tkunx egoist jew taħseb li lħaqt xi Michael Jordan. L-umilta’ hi virtu’ sabiħa ħafna li tagħti profil tajjeb lill-atleta partikolari. Agħti l-ħin tiegħek lil dan l-isport għax imbagħad tingħata ħafna lura. Ġaladarba jimxu ma’ dawn ir-regoli li jien inħobb nipprietkahom, huma se jkunu l-aqwa verżjoni tagħhom infushom.”

Ekonomija

Sport