Wara li kmieni dalgħodu bdiet tinxtered l-aħbar tal-mewt tal-eks Prim Ministru Laburista Karmenu Mifsud Bonnici bosta kienu dawk li waqfu biex isellmu l-memorja tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela min-naħa tiegħu qal li t-telfa tiegħu hija telfa ta’ ġentlom li tul ħajtu ta kontribut enormi favur il-kawża tal-ħaddiem, bis-sehem tiegħu fil-politika, it-trade unions u l-professjoni tiegħu.
Abela żied jgħid li huwa jemmen li din l-iktar karatteristika li tibqa’ tispikka fih. Fid-diskursati li kien ikollhom, ħafna drabi ma’ xi kafè qabel il-Qorti, dejjem ammira fih is-sens ta’ servizz li ried jagħti lejn iż-żgħir.
“Dak kollu li kien jaf dejjem ried iħaddmu fil-prattika għal dan il-għan. Daqskemm ħabb lill-ħaddiem, ħabb ukoll lil pajjiżu. Karmenu jibqa’ ta’ eżempju għal ħafna”, temm jgħid Abela.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll sellem il-memorja ta’ Mifsud Bonnici u ddeskrivieh bħala bniedem li ħadem b’saħħa u determinazzjoni għal dak li emmen fih.