Sunday, May 18, 2025

‘Dejjem ara li tkun ma’ ċirku ta’ nies li jitrażmettu pożittivita’ għax b’hekk biss tagħmel il-kuraġġ’ – Emma Hewitt

Aqra wkoll

Emma Hewitt hija kantanta u kittieba Awstraljana magħrufa għall-vuċi partikolari tagħha fil-mużika elettronika, speċjalment fit-trance u l-progressive house. Hija twieldet fit-28 ta’ April 1988 f’Geelong, Victoria, l-Awstralja.

Emma bdiet il-karriera tagħha bħala l-kantanta prinċipali tal-band Awstraljana tar-rock “Missing Hours”, li kienet tinkludi wkoll lil ħuha Anthony. Fl-2008, din il-band ħarġet album bl-istess isem grazzi wkoll għal Sony Australia. Madankollu, dan il-grupp eventwalment waqaf milli jkun attiv hekk kif Emma u ħuha marru jgħixu fl-Ewropa biex jiffukaw fuq il-kitba ta’ mużika elettronika.

Fl-2007, Emma għamlet id-debutt tagħha fil-mużika elettronika b’”Carry Me Away”, kollaborazzjoni mal-produttur Brittaniku Chris Lake. Din id-diska laħqet l-ewwel post fil-Billboard Hot Dance Airplay fl-Istati Uniti u baqgħet fil-klassifika għal 50 ġimgħa.

Wara dan is-suċċess, Emma saret figura prominenti fix-xena tat-trance u ħadmet ma’ artisti rinomati bħal Armin van Buuren, Dash Berlin, Cosmic Gate, Gareth Emery, Serge Devant, u BT. Is-silta “Waiting”, li ħarġet fl-2009 flimkien ma’ Dash Berlin, kisbet suċċess kbir, u ġiet imsemmija bħala t-tieni l-aħjar kanzunetta tas-sena 2009 fil-programm “A State of Trance” ta’ Armin van Buuren. Is-silta wkoll rebħet il-premju Best HiNRG/Euro Track fl-International Dance Music Awards tal-2010.

Fl-2012, Emma ħarġet l-ewwel album tagħha bħala solista, “Burn the Sky Down”, taħt il-label Armada Music. L-album jinkludi taħlita elettronika u pop u ġie prodott minn Lee Groves. Wara dan, ħarġet ukoll album ta’ remixes li jinkludi verżjonijiet minn artisti bħal Armin van Buuren, Cosmic Gate u Morgan Page.

Fl-2020, Emma ffurmat grupp tal-progressive trance “Elysian” flimkien ma’ Ilan Bluestone u Maor Levi, u ħarġu l-EP tagħhom “Water”. Fl-istess sena, ħarġet is-silta “Into My Arms”, li turi l-istil aktar akustiku u emozzjonali tagħha.

Emma Hewitt kienet f’pajjiżna riċentement fejn ħadet sehem fl-avveniment Summer Lust Festival 2025 u kien hawn fejn ħadnilha intervista qasira hekk kif din il-gazzetta kienet qed tintervistaha għat-tieni darba.

Hewitt mal-ewwel fissret kemm Malta għaliha qisha t-tieni dar tagħha.

“Issa ilu niġi hawn għal diversi drabi u dejjem inqis lill-gżejjer Maltin bħala t-tieni post fejn nieħu gost immur u fejn inħossni qisni qiegħed f’dari. Ngħidlek il-verita’ tlift il-kont kemm-il darba ġejt hawn. Jafu jkunu 15-il darba jew saħansitra 20 darba. Li naf żgur hu li verament inħossni kuntenta hawnhekk u kulħadd jilqgħek bl-aqwa mod possibbli.”

Meta mistoqsija jekk tqisx lil Malta bħala kważi t-tieni verżjoni ta’ Ibiza, Hewitt qalet li dan il-pajjiż miexi lejn dan il-mudell u għalhekk se jattira numru ta’ turisti żgħażagħ lejn Malta. Fl-istess waqt hu rrimarkat li żdiedu ferm l-attivitajiet mużikali fejn apparti l-Isle of MTV, hemm anke ħafna promoturi tal-mużika li jistiednu numru ta’ artisti biex iwettqu l-wirja tagħhom. Dan kollu jfisser aktar turiżmu.

U x’inhi tagħmel bħalissa Emma Hewitt u fejn qed tgħix?

Emma bħalissa tgħix f’Los Angeles, iżda qabel kienet residenti f’Amsterdam u Miami. Hija spiss tiddeskrivi l-mużika tagħha bħala mezz ta’ espressjoni emozzjonali u introspezzjoni, u l-vuċi tagħha hija magħrufa għall-kwalità eċċezzjonali tagħha u lirika impekkabbli.

Saqsejniha x’kienet ir-raġuni li għażlet il-karriera mużikali.

“Ma kinitx xi għażla partikolari għax kienet xi ħaġa li verament ridt nagħmel. Fil-verita’ ma ndunajtx mal-ewwel bil-ħiliet vokali tiegħi u kien ta’ sittax-il sena li skoprejt li nista’ nevolvi iktar f’din il-karriera. Imbagħad bejn opportunita’ u bejn ix-xorti wasalt biex niżviluppa u ntejjeb din il-karriera.

U kif ġiet introdotta mal-mużika elettronika?

“Meta kont żgħira okkażjonalment kont nattendi kunċerti ta’ dawk hekk imsejħa Gatecrasher Raves f’Melbourne għalkemm onestament ftit kont naf dwar dan il-ġeneru ta’ mużika. Aktar tard matul il-karriera tiegħi kont iltqajt ma’ Chris Lake u minn hemm ġejt ntrodotta għall-ewwel esperjenzi f’din il-mużika elettronika.”

Emma Hewitt tikteb il-mużika filwaqt li tkanta. X’inhi d-differenza bejniethom u liema tippreferi tagħmel?

“Fil-verita’ jien inħobb nagħmel iż-żewġ xogħlijiet għax ladarba hemm il-mużika kollox huwa sabiħ. Inħobb nħallat il-mużika, inkanta u nkun parti minn kollaborazzjoni mużikali.”

Saqsejniha wkoll dwar kif taħseb li nbidlet ix-xena tal-mużika trance minn meta bdiet għal-lum il-ġurnata.

“Nista’ ngħid li fil-preżent qed tevolvi b’rata mgħaġla ħafna. L-istili techno u trance baqgħu konsistenti u wasslu aktar siltiet li qed jispikkaw fl-istazzjonijiet tar-radju internazzjonali.”

Iżda liema kienet dik

 id-diska li fl-opinjoni tagħha mexxietha dejjem aktar ‘il quddiem fil-karriera tagħha?

“Naħseb li Carry Me Away” (2007, ma’ Chris Lake), “Waiting” (2009, ma’ Dash Berlin),”Not Enough Time” (2009, ma’ Cosmic Gate), “Disarm Yourself” (2011, ma’ Dash Berlin) u “Into My Arms” (2020) kienu l-iktar diski li tawni suċċess fl-aħħar mill-aħħar. Ħadt gost l-aktar naħdem ma’ Dash Berlin għax dejjem professjonali f’xogħlu”

Emma Hewitt faħħret l-organizzaturi ta’ Għaxaq Summer Festival li għamlu biċċa xogħol tajba ħafna u ħassitha ferm komda tkanta quddiem folla daqstant sabiħa.

Iżda kif tara lilha nnifisha Emma Hewitt minn hawn u għaxar snin oħra?

“Nittama li nibqa’ nagħti s-sehem tiegħi fil-qasam mużikali, xi ħaġa li nqisha bħala parti importanti minn ħajti. Nittama wkoll li nkompli nipproduċi aktar albums sabiex dawn jibqgħu jitgawdew mis-segwaċi numerużi tiegħi.”

U x’inhu s-sigriet tas-suċċess tagħha?

“Nemmen ħafna li meta tagħmel ix-xogħol mill-qalb, dan jidher tant importanti u prestiġġjuż. Il-mużika nħobbha u għalhekk li għalija qisnu mhux sejra għax-xogħol iżda nagħmel dak li nħobb.”

Għalhekk wieħed jista’ jgħid li Emma Hewitt tibqa’ waħda mill-aktar vuċijiet distintivi u apprezzati fil-mużika elettronika, b’karriera li tgħaqqad lirika emozzjonali ma’ produzzjoni ta’ livell għoli.

Finalment tlabna lil Emma Hewitt sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jibdew karriera mużikali.

“Tħalli lil ħadd jirrovinalek il-ħidma li tkun għamilt. Għalhekk, dejjem ara li tkun ma’ ċirku ta’ nies li jitrażmettu pożittivita’ għax b’hekk biss tagħmel il-kuraġġ.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport