Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Kien missieri li ressaqni lejn il-logħba tal- utbol. U minn eta’ zgħira bdejt nitħarreg fin-nusery ta’ Birkirkara.
U għaliex għazilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Meta kont żgħir kont insegwi it-tim ta’ Manchester United u dak iż-żmien kien jispikka il- goalkeeper Peter Schmeichel u b’hekk ngbidt lejn dan ir-rwol.
Iddeskrivi l-esperjenzi tiegħek qabel ingħaqadt ma’ Mġarr United FC.
Kelli diversi esperjenzi ma’ diversi klabbs kemm fil-Malta Premier u anke fiċ-Challenge League, fosthom ma’ Sirens, Hamrun, Balzan, Hibernians, Gudja, Mosta, Mqabba, Floriana, Tarxien, St Andrews u Marsa. Kienu esperjenzi li fil-maġġoranza tagħhom kienu pożitivi u ġew milħuqa tragwardi sbieħ.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek s’issa ma’ Mġarr United?
Esperjenza pożittiva ħafna, ambjent sabiħ, klabb organizzat u b’ambizzjonijiet sbieħ.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
L-istaġun li għadda kien wieħed pożittiv. Il-klabb irnexxielu jikkonsolida postu fiċ-Challenge League għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu billi kkwalifika għat-top 8. Fuq bażi personali, inħossni sodisfatt li lgħabt il-logħob kollu tal-kampjonat u kont ta’ għajnuna biex it-tim kiseb it-tielet l-aħjar difiża fil- kampjonat.
X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju matul l-istaġun li għadda, ilħaqt it-tragward tal-400 logħba fil-karriera tiegħek, fejn irnexxielek issalva wkoll penalty?
Ninsab grat ħafna li lħaqt dan l-objettiv. Naturalment ma kinitx faċli u kienet tirrikjedi ħafna xogħol u sagrifiċċju. Peró, inħares lura b’sodisfazjon kbir u nħares ‘il quddiem għal iktar.
Naturalment, ninsab kuntent li fl-400 logħba irnexxieli ngħin lill-klabb fit-tragward storiku li kellu li jikkonferma postu fil-BOV Challenge League għal sena oħra.
Kemm hu differenti l-BOV Challenge League mill-Malta Premier?
Il-livell tal-BOV Challenge League ogħla ħafna f’dawn l-aħħar snin. Kif kulħadd jaf numru ta’ plejers stabbiliti fil-Malta Premier qed jilagħbu fil-BOV Challenge League f’dawn l-aħħar snin.
Apparti d-differenza fin-numru ta’ plejers barranin, il-Malta Premier huwa ftit iktar veloċi u milgħub fuq livell iktar tattiku.
Kif qed tħares lejn l-istaġun li ġej?
Qed inħares b’mod pożittiv għall-istaġun li ġej. Naturalment bħal kull staġun ħa jkun hemm tibdiliet fl- iskwadra u t-tim ikun irid jintegra, peró bl-għajnuna tal-kowċ u tal-istaff tekniku nemmen li dan isir u qed inħares ‘il quddim għal staġun pożittiv ieħor.
U lejn il-futur iktar ‘il bogħod tiegħek fil-futbol?
Nemmen li għad fadalli ħafna x’noffri fil-futbol lokali. Għal Grazzja t’ Alla nħossni fiżikament b’saħħti. Għalkemm b’ħafna sagrifiċċji ħa nkompli nistinka u naħdem biex nibqa’ fiżikament tajjeb u nkompli nilgħab ghal aktar snin.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Taqtgħu qalbkom qatt. Il-logħba tal-futbol hija bbażata fuq opinjonijiet, dejjem emmnu fikom nfuskom, stinkaw u aħdmu b’dedikazjoni u bla waqfien biex titjiebu u dejjem kunu lesti biex titgħallmu u agħtu l-massimu f’kulma tagħmlu!