Ftit ġranet ilu kellna dibattitu jaħraq dwar Malta fil-Parlament Ewropew. Dibattitu mressaq mill-Membri tal-Parlament Ewropew Nazzjonalisti bl-iskop li jżebilħu isem pajjiżna u jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tagħna, lill-istabilità ekonomika ta’ pajjiżna u fl-aħħar mill-aħħar lil min investa sabiex pajjiżna mexa l-quddiem.
Ftaħru li ilhom xahar jaħdmu fuq dan id-dibattitu, li jiġi mressaq ta’ kull sena fejn jinqdew bl-anniversarju tal-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia sabiex iressqu dibattitu ta’ din ix-xort. Id-differenza f’din is-sena kienet il-preżenza ta’ kap ġdid fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista li meta ġie elett ftit ġimgħat ilu qal li se jaħdem l-ewwel u qabel kollox għall-aħjar interess ta’ pajjiżna iżda li issa kien hu stess li xpruna dan id-dibattitu qalil u dderieġa minn wara l-kwinti l-mossi tal-MPE Nazzjonalisti.
Ngħid jinqdew bl-anniversarju tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex kien ċar ferm sa mill-bidu nett li d-dibattitu ma kien se jkollu x’jaqsam xejn mas-suġġett, u saħansitra anki t-titlu tad-dibattitu, Delayed Justice kien fażull. L-investigazzjonijiet dwar dan il-qtil makabru ma sofrew l-ebda dewmien, anzi f’temp ta’ ftit snin tlestew l-investigazzjonijiet u l-proċess ġudizzjarju dwar ħames min-nies involuti filwaqt li l-proċess ta’ akkużat ieħor jinsab fi stadju avvanzat.
Fi kwalunkwe każ, tajjeb wieħed jistaqsi x’qed jippretendu li għandu jagħmel iktar il-Gvern Malti dwar dan il-każ – li jintervjenu fl-awtonomija tal-ġudikatura u jġegħlu lill-qorti tgħaġġel il-proċess ?!
It-teatrini tal-PN issa qed idejqu anki lil sħabhom tal-Partit Popolari Ewropew li għamluha ċara li dan id-dibattitu ma ġiex imressaq direttament minnhom bħala grupp iżda fuq talba ta’ partit membru tagħhom, ċioè l-Partit Nazzjonalista.
Mhux l-istess għamel il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li fi ħdanu jinsab il-Partit Laburista, li bħala grupp għażel li jopponi li jiġi mressaq id-dibattitu, mhux għaliex ma jemminx li għandu jkollna dibattiti dwar id-demokrazija u s-saltna tad-dritt iżda għaliex ma jridx li l-qtil makabru ta’ persuna jintuża bħala skuża għal dibattitu barra minn loku.
Fuq insistenza tal-PN, id-dibattitu fl-aħħar mill-aħħar seħħ, u għalhekk jien u sħabi l-MPE Laburisti konna minn ta’ quddiem sabiex niddefendu isem pajjiżna u nesponu l-gideb tal-MPE Nazzjonalisti. Bdejt billi kkwotajt kliem imnissel mill-Prim Imħallef fejn irringrazzja lill-Ministru tal-Ġustizzja għax-xogħol siewi tiegħu sabiex jissaħħu l-qrati tagħna. Ċert li ma kienx ringrazzjament fieragħ għaliex il-ħidma tal-Gvern Laburista f’dan il-qasam tikkonsisti f’fatti tanġibbli.
Daħħalna liġi kull xahar sabiex insaħħu l-ħidma tal-qrati u żidna r-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha. Mhux biss tajna iktar għodod lill-qorti sabiex tiffunzjona iżda żidnilha wkoll ir-riżorsi umani fejn il-ġudikatura hija l-ikbar li qatt kellna fl-istorja ta’ pajjiżna.
Tejjibna wkoll l-indipendenza tal-qrati, speċjalment billi waqqafna kummissjoni ndipendenti sabiex tkun hi, u mhux il-politiku, li taħtar il-ġudikanti. Ħloqna wkoll l-uffiċju tal-Avukat tal-Istat sabiex nisseparawħ minn dak tal-Avukat Ġenerali.
Kieku l-PN verament għandhom daqstant għal qalbhom is-saltna tad-dritt f’pajjiżna kienu joħorġu bi proposti u suġġerimenti ta’ kif kienu jtejbu dan il-qasam li kieku kienu fil-Gvern. Mhux talli m’għamlux hekk u ħlew il-ħin sabiex iwaddbu t-tajn, iżda lanqas biss indenjaw iħarsu madwarhom u jaraw jekk huma stess humiex konformi mal-liġi.
Tajjeb niftakru li l-PN ilhom ħames snin ma jippublikaw finanzi awditjati, bi ksur tal-liġi. Kull darba li ġew mistoqsija fuq hekk ġabu xi skuża jew oħra jew waħħlu fl-awdituri li qabbdu.
Wieħed mill-MPE barranin li tkellmu b’mod imparzjali f’dan id-dibattitu għamel riassunt tajjeb – mhux ġust li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jintuża sabiex tiġi attakkata Malta, għaliex Malta qed taħdem bis-sħiħ kemm biex tara li ssir ġustizzja dwar dan il-qtil kif ukoll sabiex ittejjeb l-istrutturi istituzzjonali tagħha u ssaħħaħ is-saltna tad-dritt.
Għalhekk l-aġir tal-PN li jippruvaw jinqdew b’delitt sabiex iħammru isem pajjiżna huwa verament tal-mistħija. Naċċertakom li jkun min ikun fil-Gvern f’pajjiżna la jien, u lanqas l-ebda MPE Laburista, qatt ma se naħdmu kontra Malta – tkun xi tkun iċ-ċirkostanza.
Ikun min ikun fil-Gvern ahna qatt ma se nahdmu kontra Malta – kuntrarju ghal PN

