Saturday, November 9, 2024

“Dejjem ħdimt bla waqfien għal dik li kienet il-passjoni tiegħi” – Daniel Tanti Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-handball?

L-isport u l-attivitá fiżika minn dejjem kienu temi importanti fil-familja tagħna. Apparti li missieri kien goalkeeper tal-football, ħafna minn ħuti, kuġini u zijiet kollha kienu nvoluti f’xi sport jew ieħor. 

Il-Ħdud konna dejjem in­qattgħuhom nilagħbu jew fis-sajf ngħumu jew inkella kuljum konna ni­lagħbu kemm l-iskola jew il-MUSEUM. Jien, għal­kemm qatt m’attendejt xi club jew soċjetá sportiva minn dejjem kont attiv u kont nieħu pjaċir nilgħab kull sport. 

Ħija l-kbir, Joseph, li hu 10 snin ikbar minni, kien beda jilgħab il-handball meta jien kont għadni żgħir ħafna. Minn etá żgħira kont immur insegwih jilgħab. 

Fl-2002, meta kelli 12-il sena, ħija mar id-Danimarka biex jagħmel esperjenza fil-handball u minn hemm­hekk tħajjart jien ukoll biex nibda nipprattika dan l-isport. 

X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa kemm f’livell ta’ club kif ukoll mat-team nazzjonali?

L-ikbar unur kien dej­jem dak li nirrappreżenta lil pajjiżi. Minn ta’ 14-il sena bdejt nilgħab fin-nazzjonal taż-żgħar u ta’ 18-il sena kont nifforma parti mis-selezzjoni tan-nazzjo­nal tal-kbar. Kull darba li tisma’ l-innu Malti u tilbes il-flokk ta’ pajjiżek hija emozzjoni indeskrivibbli.

Bħala club irbaħt il- kampjonat darbtejn, darba ma’ Luxol u darba ma’ San Alwiġi kif ukoll irbaħt kull tournament uffiċjali orga­nizzat mill-Malta Handball Association f’okkażjonijiet differenti. 

Bħala unuri personali rbaħt ukoll l-Aqwa Player Malti f’erba’ staġuni diffe­renti fost unuri oħra individwali bħall-aqwa goalkeeper u l-aqwa player ta’ taħt id-19-il sena. 

Forsi l-iktar unur individwali li apprezzajt kien meta, fl-2017, kontra Georgia kont magħżul bħala l-aħjar player tal-logħba għat-team Malti. 

Dan min­ħabba li l-unur kien jgħaqqad kemm l-aspett tan-nazzjonal kif ukoll dak individwali. Il-fatt li fl-ewwel edizzjoni tal-Me­diterranean Beach Games kellna prestazzjoni tajba bħala nazzjonal u l-fatt li ġejna nominati għall-MOC Sports Awards kien ukoll ta’ unur għalina l-players.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Ra­gusa?

Fis-sajf kien hemm diversi clubs li staqsew għas-servizzi tiegħi u ta’ ħija Joseph. Dan waqt li  kont qed nilgħab beach handball ma’ team magħ­qud bejn tliet soċjetajiet differenti, dawk ta’ Team Network Albatro Siracusa, ASD Handball Messina u Keyjey DNM Pallamano Ragusa. 

Dawn tal-aħħar urew l-ikbar interess fis-servizzi tagħna u meta kellmuna dwar il-proġetti tagħhom u rajna li hija soċjetá serja, iddeċidejna li ningħaqdu magħhom.

Il-proġett tat-team Ragusan huwa li jtejjeb il-livell taż-żgħażagħ lokali tagħ­hom waqt li jkollu staġun komdu fejn jiġi mal-ewwel pożizzjonijiet fi Grupp C (Sqallija u nofsinhar tal- Italja) tas-Serie A2. 

Għalhekk apparti aħna, it-team issaħħaħ b’żewġ players Spanjoli, Arġentin u player mill-Urugwaj. Il-livell dis-sena għola ħafna fis-Serie A2 għax kull club iffirma players ta’ li­vell għoli kemm Taljani kif ukoll barranin. 

Fuq livell personali, inħoss li bdejt l-istaġun taj­jeb. Bħala team ippreparajna sew fil-logħbiet ta’ ħbi­berija u rbaħna l-ewwel żewġ logħbiet mit-tlieta li lgħabna. 

Dawn it-tliet konfronti kienu kollha diretti u għalhekk wieħed jista’ jgħid li bdejna l-istaġun fuq nota tajba ħafna. It-team kellu wkoll prestazzjoni tajba ħafna f’partita ta’ ħbiberija li lgħabna kontra ċ-champions Taljani, Pallamano Conversano.

Is-soċjetá hija soda fuq diversi binarji. L-amministrazzjoni tieħu ħsiebna ħafna bħala players filwaqt li l-coach huwa ppreparat ħafna. Fil-fatt, il-coach tagħna, Mario Gulino, kien assistent ta’ Lino Cervar (wieħed mill-aqwa coaches fid-dinja) meta dan kien wassal lit-team naz­zjonali Taljan biex jikkwalifika għall-kompetizzjonijiet internazzjonali.

Fl-aħħar u mhux l-inqas aħna l-players ingħaqadna tajjeb ma’ xulxin u nħoss li qed inħabbtu l-esperjenzi tagħna ma’ xulxin biex inkomplu nitgħallmu. 

Fil-fatt il-players għandhom esperjenza vasta fejn it-Taljani għandhom l-għar­fien tal-kampjonat tagħhom waqt li l-barranin lagħbu fil-Liga Asobal ta’ Spanja waqt li l-Urugwajan lagħab fil-Kampjonati Din­jija tal-handball. 

Nemmen li l-esperjenza ma’ Keyjey DNM Pallamano Ragusa hija waħda li komplejt nitgħallem ħafna minnha filwaqt li qed tagħtini sodisfazzjon kbir.

Kif tikkumpara l-livell tal-kampjonat Sqalli ma’ dak Malti?

Il-Kampjonat tas-Serie A2 huwa wieħed fuq livell nazzjonali Taljan. Dan il-kampjonat jinqasam fi tliet gruppi – it-tramuntana, iċ-ċentru u n-nofsinhar tal- Italja. 

L-ewwel żewġ timijiet ta’ kull grupp jilagħbu l-final 6 u l-ewwel żewġ timijiet fil-final 6 jitilgħu fl-ogħla kampjonat Taljan. 

Il-livell ta’ dan il-kampjonat hu għoli mmens. Fil-grupp tagħna għandna team li għadu kemm niżel mis-Serie A1 u huwa b’saħħtu ħafna. 

Apparti minn hekk, it- timijiet kollha ssaħħew u l-livell tal-handball fl-Italja qiegħed jiżviluppa kuljum. Il-handball f’dan il-kampjonat huwa iktar veloċi u dinamiku. 

Il-fatt li hawn iktar players u timijiet ifisser li trid tkun iktar preparat għax lill-avversarju ma tkunx drajtu. Apparti minn hekk, it-timijiet kollha jittrenjaw ħafna iktar minn Malta għax għandhom il-faċilitajiet fejn jistgħu jagħmlu dan. 

B’hekk naħseb li l- Kampjonat tas-Serie A2 huwa superjuri għal dak Malti fuq livell ta’ clubs imma selezzjoni Maltija tal-kbar tista’ tkun ta’ theddida għal xi wħud mit-timi­jiet speċjalment fis-Serie B u xi ftit mit-timijiet tal-A2.

Kif qed tħares lejn il-futur tat-team li int pedina ferm importanti tiegħu, Ragusa?

Il-pjan tas-soċjetá huwa wieħed fi żmien medju u dak twil. Il-proġett għadu fil-fażi inizjali tiegħu iżda naħseb li l-ewwel passi li għamel it-team huma fit-triq it-tajba. 

It-team issaħħaħ mhux biss bi players u staff li huma ta’ livell għoli imma wkoll li għandhom karatteristiċi umani li jistgħu jgħinu lill-ġenerazzjoni futura. 

Dan l-istaġun naħseb li jista’ jkun staġun li jagħtina ħafna sodisfaz­zjonijiet mhux biss bir-rizultati imma biex nibnu pediment sod għal dan it-team. 

Tista’ tgħaddi messaġġ lil min bħalek jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fil-handball?

Jien nawgura lil ħafna iktar żgħażagħ Maltin li jitħajru jagħmlu esperjenzi barra minn xtutna u ma jaqtgħux qalbhom. Is-sena li għaddiet kif ukoll dis-sena kellmuni ħafna clubs mill-Italja li staqsew għal players Maltin iżda għal xi raġuni jew oħra kien għad m’hemmx il-presupposti kollha biex dan iseħħ.

Naħseb li dawk kollha li jixtiequ jagħmlu suċċess kemm fil-handball iżda wkoll fi kwalunkwe sport ieħor, iridu jieħdu l-isport bħala l-istil ta’ ħajja tagħ­hom. 

L-opportunitajiet mhux se jaqgħu mis-sema iżda wieħed irid jaħdem u jistinka biex jirnexxi. Personalment, qatt ma ħassejtni li jien kont aqwa minn ħaddiehor anzi pjuttost il-kuntrarju. 

Naħseb li kien hemm ħafna iktar players li kienu fiżikament u teknikament dotati iktar minni. Nemmen li d-differenza kienet li jien dejjem ħdimt bla waqfien għal dik li kienet il-passjoni tiegħi. 

Sport