Minn Critian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?
L-isport minn dejjem kien parti minn ħajti, bdejt nipprattikah minn ta’ etá żgħira. L-iskola kont nintgħażel biex nieħu sehem fit-tlielaq fl-atletika u kien Victor Camilleri minn Pembroke Athleta Athletics & Triathlon li ħeġġiġni biex nibda l-atletika. Iżjed tard bdejt nipprattika l-għawm ukoll. Apparti minn hekk, l-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika li kienet tgħallimni l-option kienet ispiratni li nsir bħalha u bqajt inkompli nistudja biex gradwajt bħala għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika u għamilt ħafna korsijiet relatati fl-isport.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Strength and Conditioning Coach.
Ix-xogħol ta’ Strength and Conditioning Coach huwa responsabbli għall-programm ta’ taħriġ speċifiku skont l-isport biex itejjeb kwalitajiet importanti li l-atleta jkollu bżonn fid-dixxiplina tiegħu bħall-aġilitá, veloċitá, saħħa u stamina. Dan ivarja wkoll skont il-pożizzjoni tal-atleta fl-isport tiegħu u l-perjodu tal-istaġun. L-għanijiet ewlenin huma li titjieb il-prestazzjoni, innaqsu ċ-ċans li wieħed iweġġa’ u jieqaf għal xi żmien milli jkompli jittrenja, u niżviluppaw aħjar il-movimenti bażiċi li huma importanti biex niċċaqilqu b’mod tajjeb u effiċjenti. L-iStrength and Conditioning coach jaħdem fil-qrib mal-kowċ biex jippjanaw flimkien skont liema oqsma l-atleta irid jaħdem fuqhom, filwaqt li nżommu f’moħħna l-kompetizzjonijiet li jkunu ġejjin.
Kemm hu importanti li wieħed jipprepara lili nnifsu sew biex jipprevjeni l-injuries?
Sfortunatament, l-injuries huma parti mil-isport iżda huwa importanti li fejn nistgħu nnaqqsuhom. Injuries li jiġu kawża ta’ kuntatt mal-plejers l-oħra huma diffiċli li jitnaqqsu minħabba n-natural tal-isport. Iżda hemm injuries li jistgħu jitnaqssu li jiġu minn żbilanc fil-muskulatora, fejn muskolu ikun iktar b’saħħtu minn ieħor; overused injuries minn over training fejn ma nkunux qed nieħdu biżżejjed mistrieħ għall-kwantitá ta’ taħrig; nutrizzjoni mhux ideali; u minn nuqqas ta’ stretching adekwat.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtha tinbidel tul is-snin?
Il-mentalitá fl-isport inbidlet għall-aħjar matul iż-żmien f’pajjiżna. Illum hawn iktar għarfien fuq l-importanza li kulħadd jagħmel xi tip ta’ attivitá fiżika jew jattendi attivitajiet sportivi. Hawn ukoll iktar strutturi li qed jgħinu u jipprovdu sapport lill-atleti żgħażagħ Maltin biex ikomplu jimirħu fl-isport tagħhom waqt li jkomplu bl-istudji tagħhom u jiksbu karriera. Madankollu bħal kollox, dejjem għad fadal fejn ninvestu biex inkomplu ngħollu l-livell tal-atleti Maltin bħal iktar tibdil fl-istrutturi, iktar taħrig professjonali għall-kowcis u iktar nies li jieħdu ħsieb ix-xoghol amministrattiv.
X’tikkummenta rigward ir-riżorsi fejn l-atleti tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
Matul dawn l-aħħar snin inbnew diversi faċilitajiet sportivi ġodda fejn qed jgħinu l-atleti li ma kellhomx il-faċilitajiet meħtieġa biex jitħarrġu sew u jkollhom kompetizzjonijiet uffiċjali. Bis- saħħa ta’ dan l-investiment fl-infrasttrutura, Malta saret tkun tista’ ttella’ kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-kowċing?
Nixtieq li nkompli ngħin lill-atleti tiegħi jkomplu jiksbu iktar suċċessi bħalma diġá qed jagħmlu. Apparti min hekk, nixtieq li inkompli nikber bħala kowċ f’dan il-qasam fejn ikolli l-opportunitá li naħdem ma’ iktar atleti ta’ livell għoli minn diversi dixxiplini tal-isport u forsi ma’ atleti barranin ukoll.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isport.
L-opportunitajiet fl-isport żdiedu u qed ikomplu jiżdiedu kemm jekk inti atleta jew l-ambizzjoni tiegħek hi li jkollok xogħol fl-isport bħala kowċ, ufficjal jew xi pożizzjoni amminstrattiva. Aħdem u kompli aħdem anke meta taffaċċja xi diżappunt jew sfida iebsa. Dawwar lilek innifsek b’persuni li joffrulek sapport u kuraġġ. Dejjem ibqa ħares ‘il quddiem u taqta’ qalbek qatt … sakemm il-ħolma tiegħek twettaqha!


