Tuesday, February 4, 2025

Dejjem ibqa’ umli u aħdem u s-suċċess jasal waħdu – Trevor Thomas

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol tista’ tgħid li twieldet miegħi, mhux nibtet. Minn meta kont żgħir ħafna l-ħin kollu niġri bil-blalen, imbagħad meta raw hekk il-ġenituri tiegħi, kienu ħaduni mal-Hibernians u minn hemm kompliet tiżviluppa n-namra tiegħi lejn il-futbol.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala assistant coach ta’ Senglea Athletic FC.

Din is-sena sena r-rwol tiegħi huwa ta’ assistant coach ta’ Senglea Athletic … ovvjament meta tkun involut mal-klabb ta’ pajjiżek, is-sitwazzjoni tkun ftit differenti. Ma’ min kont dejjem tajt il-1110% tiegħi peró ma’ pajjiżek bla ma trid, tagħti l-2000%.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Dan l-istaġun mill-bidu nett kien ftit żgħira sfortunat għalina … għamilna l-ewwel ħames logħbiet bla plejers barranin sforz ta’ ħafna burokrazija (fl-opinjoni tiegħi) żejda u li fihom irbaħna l-punti … imbagħad ġiet sensiela ta’ logħob bla rebħa fejn nemmen li f’ħafna logħob minnhom kien jixirqilna nieħdu xi punti … issa jinqasmu l-punti u nipprovaw nagħmlu l-almu tagħna biex insalvaw it-tim.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward ta’ din is-sena għalina, kif żvolġew l-affarijiet huwa li nsalvaw postna fil-BOV Challenge League u nibnu bażi biex is-sena d-dieħla nibdew fuq is-sieq it-tajba.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol miż-żmien li kont nilgħab jien inbidel ħafna. Fl-opinjoni tiegħi il-livell tal-Malta Premier naqas peró fid-diviżjonijiet l-oħra għola, sforz li ħafna mill- plejers validi mill-Malta Premier kollha qed jinżlu f’diviżjonijiet oħra minħabba l- ħafna plejers barranin, għalkemm mhux dejjem ikunu aħjar minn dawk Maltin. Jien nemmen li hawn Malta m’hawnx klabbs li finanzjarjament jaffordjaw 11-il plejer barrani kollha ta’ livell għoli.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-loghob kompetittiv tagħkom?

Fortunatamemt, aħna nilagħbu fi grawnds fejn hemm faċilitajiet aċċettabli ħafna, peró, diviżjonijiet oħra ma tantx nista’ ngħid l-istess. Hemm ħafna grawnds li hemm ħafna x’jitranġa biex kulħadd ikun jista’ jilgħab f’kundizzjonijiet tajbin. Aħna bħala klabb inzertajna fortunati li għandna grawnd tajjeb ħafna fejn nitħarrġu, għalkemm nistgħu nirranġaw xi affarijiet bħala faċilitajiet.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħalissa qed nistenna li nibda l-‘UEFA A license’ tal-kowċing. L-ambizzjonijiet tiegħi huma li nagħmel il-liċenzji kollha u nkun nista’ nikkowċja f’ kull livell tal-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-parir tiegħi hu li dejjem għandek taħdem u tistinka għat-tragward li tixtieq tilħaq u jekk l-affarijiet ikunu ġejjin diffiċli, tfittixx skużi iżda aħdem iktar … dejjem ibqa’ umli u aħdem u s-suċċess jasal waħdu!

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport