Tuesday, August 12, 2025

‘Dejjem iġri wara x-xewqat tiegħek’ – Rylee Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Għandu r-rekords nazzjonali tal-kategoriji tat-73kg kollha, kif ukoll issa għandu r-rekords kollha tal-kategorija 81kg  Fl-2023, ħa sehem fil-Kampjonati tal-Commonwealth, fejn irnexxielu jiġi fit-tieni post fil-kategorija tal-youths, u fil-kategorija tal-81kg tal-juniors. Fil-ġimgħat li għaddew, ħa sehem b’suċċess ukoll fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Weightlifting, fil-Kampjonati tad-Dinja ġewwa Bahrain, kif ukoll fil-Kampjonat Open ta’ Malta. Dan filwaqt li fil-jiem li għaddew, f’kompetizzjoni lokali importanti tat-timijiet, l-aqwa unuri marru għandu, hekk kif laħaq total ta’ 272kg għal 331 punt.

Kif għażilt il-weightlifting fost sport ieħor?

Għażilt il-weightlifting għax ħajjarni missieri u għoġobni l-isport.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li ksibt fil-karriera tiegħek fil-weightliting li jkompli jżid mal-kullana ta’ suċċessi personali li kont diġá ksibt f’dan l-isport li tant tħobb?

Kelli prestazzjoni soda fil-Kampjonat Open ta’ Malta, fejn lestejt b’suċċess ħames minn sitt lifts. Dan ir-riżultat huwa speċjalment inkoraġġanti meta wieħed iqis li għadni fil-fażi preparatorja tat-taħriġ tiegħi. Serva bħala pass tajjeb ħafna u preparazzjoni siewja għall-kompetizzjonijiet li ġejjin, partikolarment il-Kampjonati Ewropej tal-Juniors.

Iddeskrivi l-esperjenza ta’ suċċess li kellek iktar qabel fil-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta.

Irnexxieli nikseb riżultat pożittiv ħafna fejn ksirt bosta rekords nażżjonali kif ukoll niġi l-ewwel fil-kategorija tad-89kg. Din il-kompetizzjoni serviet bħala waħda ta’ preparazzjoni għall-Kampjonati tad-Dinja li saru ġewwa l-Bahrain f’Diċembru li għadda, fejn hemmhekk ksibt riżultat ferm pożittiv, fejn irnexxieli nerġa’ nikser bosta rekords nazzjonali fil-kategorija tal-81kg.

X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa fil-weightlifting?

Jien għandi r-rekords nazzjonali tal-kategoriji tat-73kg kollha kif ukoll issa għandi ir rekords kollha tal-kategorija tal-81kg. L-ikbar unur li rnexxieli nikseb huwa dak li niġi t-tieni fil- Kampjonati tal-Commonwealth fis-sena 2023.

X’differenza tgħaddi bejn il-weightlifting u l-powerlifting?

Il-weightlfting jikkonsisti minn snatch u clean & jerk, kif ukoll trid tkun teknikament b’saħħtek. Dan filwaqt li l-powerlifting jinvolvi benchpress, dead lift u back squat.

Weightlifters Maltin jieħdu sehem regolarment f’kompetizzjonijiet importanti tal-weightlifting madwar id-dinja?

Iva, issa qed nilħqu livell internazzjonali bl-għajnuna tal-kowċ tagħna, Jesmond Caruana.

X’tikkummenta fuq il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting (MWA), Jesmond Caruana?

Jesmond Caruana huwa bniedem dedikat hafna u jaħdem ħafna għalina ż-żgħar. Hu jiffoka kollox biex imexxi l-isport ‘il quddiem u mingħajru żgur li ma konniex naslu fejn wasalna issa.

X’għajnuna finanzjarja ssibu minn SportMalta u mill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM)?

L-għajnuna jagħtuha lill-assoċjazzjoni u l-president u t-teżorier iqassmuha lilna l-atleti. Nirringrazzjahom bis-sħiħ tas-sapport kontinwu li jagħtu lilna l-atleti.

Kif jirnexxielek tlaħħaq l-istudju tiegħek u mal-weightlifting?

Għandi time-table u nimxi magħha, ħalli nkun nista’ nlaħħaq ma’ kollox.

U l-weightlifting jinvolvi xejn injuries?

Bħal kull sport ieħor, iva, tista’ taffronta xi injury, imma jekk tagħmel kollox kif suppost u tisma’ mill-kowċ, mhux se jkollok problemi partikolari.

Konxju wkoll mill-fatt li l-weightlifting jinvolvi dieta partikolari. Int kif tqassam id-dieta tiegħek? Agħtina iktar dettalji.

Iva, ovvjament fil-weightlifting tikkompeti fil-kategoriji, allura trid tkun taf kemm qed tiżen u tadatta d-dieta li jkollok bżonn.

X’sagrifiċċji u commitments partikolari jirrikjedi l-isport li int tipprattika?

Trid tipprattika l-wieghtlifting b’mod regolari kif ukoll trid toqgħod attent x’tiekol u tagħmel recovery kif suppost.

Kif tipprepara ruħek kemm fiżikament kif ukoll mentalment qabel kompetizzjonijiet importanti tal-weightlifting?

Fiżikament, nipprepara ruħi bit-taħriġ regolari, u mentalment nimmaġina r-refgħa lesta biex immur aktar kunfidenti, jien u nerfa’ l-piżijiet.  

Il-weightlifting kif jgħin lill-atleta li jkun qed tipprattikkah mentalment u psikoloġikament? Ċert li dan l-isport jgħollilek l-istima personali kif ukoll il-kunfidenza fik innifsek.

Tkun aktar kunfidenti fik innifsek, għax hu sport li trid taħseb ħafna, metalment.

Il-kompetizzjomijiet tagħkom kif jintrebħu? Naf li jkun hemm ġurija li tiġġudika hi r-rebħ ta’ dawn il-kopetizzjonijiet. Imma din fuqhiex tgħaddi l-ġudizzji tagħha?

Tirbaħ billi terfa’ l-iktar piż. Il-gurija jkunu hemm biex jaraw jekk refgħa tkunx tajba jew le skont ir-regolamenti.

Naf ukoll li qabel il-kompetizzjonijiet li fihom tkunu nvoluti fil-weightlifting, ma tieklu u tixorbu kważi xejn fejn kważi tiġu dehydrated. Huwa minnu dan?

Dan mhuwiex minnu. Qabel kometizzjoni, jekk ikollok bżonn tinżel ġo kategorija tibda dieta pjuttost qabel biex tilħaq tinżel ħalli tibqa’ b’saħħtek.

Hemm biżżejjed interess minn persuni żgħażagħ fil-weightlifting?

Iva, bħalissa l-isport tal-weightlifting f’pajjiżna qed jiġbed ħafna l-għajnejn taż-żgħażagħ.

Kif tqabbel ir-riżorsi relatati mal-weightlifting li fihom tittrenjaw f’Malta ma’ dawk ikkumparati barra minn Malta?

Bħala gyms le, ta’ barra minn xtutna u ta’ Malta huma simili, għalkemm ta’ barra minn xtutna, forsi jkunu naqra ikbar. 

It-taħriġ tagħkom fil-weightlifting fiex jikkonsisti u jagħmel differenza t-taħriġ tal-irġiel meta kkumpartat ma’ dak tan-nisa?

Il-programm ta’ taħriġ ikun addattat għal-livel li jkun wasal fih l-atleta partikolari.

Il-media f’pajjiżna tagħtikom biżżejjed exposure u pubbliċità?

Qed nimxu ‘l quddiem, imma naħseb hemm fejn inżidu iktar l-exposure u l-pubbliċitá.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-weightlifting?

Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-weightlifting, li xi darba nara lili nnifsi nieħu sehem fil-Logħob Olimpiku, kif ukoll nirbaħ midalji f’kompetiżżjonijiet internazzjonali. Bħalissa, qed nipprepara għall-kwalifikazzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth, fejn hemm kompetizzjoni lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, eżattamnt fit-22 ta’ Awwissu. Imbagħad, iktar tard hemm il-kompetizzjoni, World Seniors.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ speċjalment bniet u / jew tfajliet li qegħdin jaħsbu biex jibdew jipprattikaw il-weightlifting f’ħajjithom.

Jien li dejjem ngħid hi ‘go for it’ u biex dejjem tiġri wara x-xewqat tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport