Tuesday, December 31, 2024

“Dejjem ikkunsidrajt lil Malta bħala ġojjell fil-Mediterran”- Ridley Scott jgħid li l-kumment li għamel dwar pajjiżna kien “attentat ta’ umoriżmu li mar ħażin”

Aqra wkoll

Wara l-kontroversja li nqalgħet minħabba kumment li għamel dwar Malta, id-Direttur tal-Films Ridley Scott ħareġ stqarrija fejn iddikjara li dan il-kumment kien biss attentat ta’ umoriżmu li sfortunatament mar ħażin.

Scott, li għandu 87 sena, qal li huwa dejjem ikkunsidra lil Malta bħala ġojjell fil-Mediterran, kif jixhdu l-erba’ films li ħadem hawn – White Squall, Gladiator, Napoleon u Gladiator II – f’dawn l-aħħar kważi tliet diċennji.

“Huwa pajjiż mill-isbaħ u akkoljenti fejn għamilt uħud mill-aqwa xogħlijiet tiegħi fejn ġibna wkoll riżorsi u opportunitajiet sinifikanti lil dan il-pajjiż, bħalma jġibu produzzjonijiet ta’ films kbar,” qal Scott.

Dwar il-kumment li għamel f’intervista mad-Direttur Christopher Nolan, fejn iddeskriva lil Malta bħala “ġawhra ta’ arkitettura” iżda li ma jissuġġerixxix li wieħed imur hemm għal vaganza, Scott qal li pprova jagħmel ċajta u l-punt tiegħu kien li huwa tant qatta’ żmien fuq dawn il-gżejjer tul is-snin – jaħdem, jesplora, igawdi u jaraha tinbidel u tikber – li ma kellux għalfejn iqatta’ vaganza hawn.

Scott qal li Malta, b’mod partikolari l-Belt Valletta, kienu minn dejjem post ta’ ispirazzjoni artistika għalih. Esprima t-tama wkoll li tkompli tiġi ppriservata l-kultura rikka u t-tradizzjonijiet li huma mogħnija bihom dawn il-gżejjer biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu u jitgħallmu mill-istorja unika u diversa ta’ dan il-pajjiż.

“Fl-aħħar nett, naf li nitkellem mhux għalija biss iżda għal kull min ħadem fuq Gladiator II: aħna grati għal Johann Grech u t-tim tiegħu fil-Kummissjoni Maltija tal-Films u nħarsu ’l quddiem għall-kollaborazzjoni li jmiss tagħna,” temm jgħid Ridley Scott.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport