Monday, December 15, 2025

‘Dejjem inżomm f’moħħi li jkun xi jkun, trid tibqa’ tagħti 100% u turi min int fil-grawnd’ – Jamie Sultana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Ilni nilgħab minn meta kelli erba’ snin. Missieri kien jilgħab il-futbol fil-passat u għadu jilgħab anke issa minkejja li għadda ż-żmien, għalhekk bla ma trid tiġi mħajjar u tibda tħobb dan l-isport. Kont dejjem immur miegħu nsegwih jilgħab, u b’mod naturali żviluppajt passjoni kbira għall-futbol.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tal-Minors ta’ Hibernians FC.

L-esperjenza tiegħi mat-tim tal-Minors ta’ Hibernians hija waħda pożittiva ħafna. Ilni mal-klabb minn meta kelli erba’ snin, u din is-sena hija l-aħħar waħda tiegħi fil-Minors.

Dejjem nitħarreġ u naħdem biex inkompli ntejjeb il-livell tiegħi. It-triq kultant tkun diffiċli u dejjem tiffaċċja sfidi, anke dawk li ma jkollokx kontroll fuqhom. Imma dejjem inżomm f’moħħi li jkun xi jkun, trid tibqa’ tagħti 100% u turi min int fil-grawnd.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Naħseb li l-andament tat-tim kien wieħed bi tlugħ u nżul matul dan l-

istaġun. Kellna mumenti tajbin u oħrajn aktar diffiċli, iżda bħala grupp dejjem nibqgħu magħqudin minkejja kollox. Minn kull partita nitgħallmu xi ħaġa ġdida u l-mentalità tagħna qed tissaħħaħ. Jibqa’ importanti li naħdmu flimkien għax b’dak il-mod nistgħu nkomplu ntejbu u nilħqu l-miri tagħna.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun?

L-aspirazzjoni ewlenija tagħna hi li nikkwalifikaw fost l-ewwel sitt timijiet tal-Minors League. Hibernians huwa klub prestiġjuż li dejjem jistħoqqlu jikkompeti fl-ogħla livelli tal-futbol lokali.

Kif tqis il-livell tal-futbol lokali fil-preżent?

Il-livell tal-futbol f’Malta qed ikompli jogħla sena wara l-oħra. Qed jiġu wkoll ħafna plejers barranin li għollew il-kompetizzjoni, u dan iġiegħel lilna l-Maltin naħdmu aktar biex niksbu postna. Il-fatt li Hamrun Spartans FC waslu jikkompetu fl-Ewropa żied ukoll mal-livell ġenerali tal-futbol Malti.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala riżorsi, Hibernians FC huwa mgħammar tajjeb ħafna. Għandna fejn nitħarrġu, inkluż diversi grawnds, u bħalissa qed jinbena grawnd ġdid ħdejn it-Tony Bezzina Stadium.

Għandna wkoll gym attrezzat. F’Malta b’mod ġenerali ninsabu ftit limitati f’dak li għandu x’jaqsam mal-pitches għall-kompetizzjonijiet, iżda nemmen li hemm spazju għal titjib.

Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?

Is-settur tal-grassroots huwa kruċjali ħafna. Tifel jibda mill-akkademja u jikber mal- klabb, u huwa ta’ sodisfazzjon kbir meta plejer jasal jitla’ mat-tim tal-kbar. Il-grassroots huma importanti, iżda jeħtieġ ukoll impenn mill-klabb biex joffri opportunitajiet u jkompli jżviluppa l-karriera tal-plejer ladarba jitla’ mill-akkademja.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

F’Malta, sfortunatament, għad hemm mentalità kemxejn negattiva meta niġu għall- isport. B’aktar attenzjoni, serjetà u impenn nistgħu nirbħu din il-mentalità u nkomplu nimxu ’l quddiem bħala pajjiż – kemm fuq livell sportiv kif ukoll fuq livell nazzjonali.

 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Wara din is-sena nispiċċa l-aħħar sena tiegħi fil-Minors u jkun imissni nitla’ tarġa mat-tim tal-kbar. Mhux se tkun sfida faċli, iżda b’mentalità tajba, karrattru b’saħħtu u determinazzjoni nemmen li nista’ nkompli nikber u ntejjeb il-livell tiegħi fil-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol jirrikjedi dedikazzjoni kbira: taħriġ kuljum, ftit mistrieħ, u ħafna sagrifiċċji. Jekk trid tirnexxi u tagħti 100%, trid tkun lest tpoġġi ċerti affarijiet fil-ġenb. Il-futbol jagħtik ħafna, imma jaf ikun iebes ukoll. Il-messaġġ tiegħi hu li qatt m’għandek taqta’ qalbek. Kull diffikultà li tiltaqa’ magħha fit-triq għandha sservi biex issaħħek, mhux biex twaqqfek. Tkompli taħdem, tkompli titħarreġ u tkompli temmen fik innifsek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport