Saturday, December 14, 2024

“Dejjem irnexxielna nadattaw u dak huwa li jagħmilna Fondazzjoni ħajja u pijuniera fil-qasam soċjali”

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), li din is-sena qed tiċċelebra l-25 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha, hija pijuniera fil-qasam soċjali b’numru ta’ servizzi mifruxin madwar Malta u Għawdex. Matul is-snin kompliet tikber mil-lat ta’ riżorsi umani waqt li espandiet, bis-servizzi tagħha li jinbidlu u ġew adattati għall-bżonnijiet tas-soċjetà tal-lum.

Turija ċara ta’ kemm il-FSWS hija ‘Hawn Għalik’, kif jixhed ċar fil-logo tal-Fondazzjoni, tidher minn kif id-domanda għas-servizzi tagħha kompliet tiżdied. Fil-fatt fl-2022, il-FSWS tat servizz lil aktar minn 23,000 każ, żieda ta’ 4.36% meta mqabbel mas-sena 2021.

L-Aġenziji u d-Direttorati li esperjenzaw żieda fil-każijiet fl-2022 meta mqabbel mas-sena preċedenti kienu d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri, Sedqa, Appoġġ u l-fergħa f’Għawdex. Dan minħabba l-fatt li s-servizzi rritornaw għal-livelli ta’ qabel il-pandemija tal-Covid 19 u anke minħabba l-introduzzjoni ta’ obbligi legali ġodda mitluba mill-Att dwar il-Protezjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva), Kap 602.

Eżempju ieħor, fost il-ħafna, li juri kif id-domanda għas-servizzi kompliet tiżdied jikkkonċerna s-Supportline 179. Fil-fatt fl-2022, dan irċieva aktar minn 12,000 telefonata ġenwina. Is-solitudni kompliet tkun l-akbar raġuni għalfejn il-persuni jċemplu fuq din il-linja, b’29% tas-sejħiet ġenwini li kien hemm fl-2022.

Dwar dan u dwar l-istorja tal-FSWS, Maria Azzopardi tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS is-Sur Alfred Grixti li qabel xejn beda billi jfisser dak li jissejjaħ il-Welfare State. Hawnhekk huwa qal li s-servizzi ġew wara li nħoloq il-Welfare State u dan beda bħala għajnuna f’forma ta’ benefiċċji soċjali.

Tinħass il-ħtieġa li jibdew jiġu pprovduti servizzi psiko-soċjali għal nies vulnerabbli minn professjonisti mħarrġin.

Il-mudell tal-Welfare State kif kien qabel, li kien sistema biex tgħin lin-nies finanzjarjament, kien serva tajjeb sa dak iż-żmien iżda aktar ma beda jgħaddi ż-żmien beda dieħel l-għarfien li l-għotjiet ta’ flus weħidhom ma kienx biżżejjed.
Is-Sur Grixti qal li ġie nnutat li bdew ifeġġu problemi u realtajiet soċjali ġodda li ma konniex preparati għalihom, bħall-fatt li n-nies bdew jisseparaw u fis-snin sebgħin kien hemm persuni li bdew jesperimentaw bid-droga. “Sa dak iż-żmien ma kienx hawn servizzi u bdiet tinħass il-ħtiega li jibdew jiġu pprovduti servizzi psiko-soċjali għal nies vulnerabbli minn professjonisti mħarrġin.”

Is-Sur Grixti qal: “Pass importanti kien meta t-tabiba Maria Sciberras insistiet li t-trattament tad-droga ma jibqax bl-istigma u għalhekk inħoloq id-Detox li uffiċjalment infetaħ fl-1987. It-tabiba Sciberras kienet il-pijuniera li biddlet il-futur ta’ min kien vittma tad-droga. Dak iż-żmien twaqqfet kummissjoni mmexxija mill-Eks Imħallef Silvio Meli li investigat x’qed isir fil-qasam tad-droga u bdew jindunaw li n-nies għandhom bżonn l-għajnuna li tmur oltre mill-pieni u l-ħabs.”

Żied jgħid: “L-idea li jkun hemm programm, u apparti minn hekk tip ta’ struttura ta’ għajnuna soċjali, għenet biex titwaqqaf s-Sedqa, liema Aġenzija se tagħlaq 30 sena fl-2024. Din kienet tissejjaħ l-Aġenzija Nazzjonali kontra l-abbuż mid-droga u abbużi oħra. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kabinett fl-1994, flimkien ma’ Sedqa twaqqaf ukoll s-Social Welfare Development Programme (SWDP) u dawn kienu passi vitali fid-direzzjoni t-tajba.”

“Is-SWDP, li mbagħad beda jissejjaħ Aġenzija Appoġġ, beda b’żewġ servizzi li kienu l-vjolenza domestika u l-protezzjoni tat-tfal għax dawk kienu żewġ servizzi li kulħadd jitkellem dwarhom imma minħabba l-fatt li fis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien kienu kkunsidrati bħala tabù, ħadd ma ried jieħu l-ewwel pass,” spjega s-Sur Grixti.

Is-Sedqa u s-SWDP urew li kienu pedamenti sodi li fuqhom kellha tinbena l-FSWS
Kemm is-Sedqa kif ukoll is-SWDP urew li kienu pedamenti sodi li fuqhom kellha tinbena l-FSWS. Id-deċiżjoni li titwaqqaf il-FSWS ittieħdet mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Alfred Sant u kkomunikata lill-Bord tal-Fondazzjoni għax-Xjenzi u s-Servizzi Mediċi fis-27 ta’ Frar, 1998.

“Dak kien il-punt ta’ tluq biex l-Aġenziji u d-Direttorati tagħna jikbru u jimirħu. Għandu jkollna l-umiltà li ngħidu li dak li għandna huwa tajjeb u s’issa ħadem iżda ma jfissirx li se jaħdem għada għax il-problemi jaf ikunu differenti u rridu nindirizzawhom b’mod differenti. Għalhekk nemmen ħafna fl-investiment fin-nies u t-taħriġ għaliex xogħolna ma jagħmlux makkinarju iżda jagħmluh in-nies. Aħna Fondazzjoni ħajja li dejjem tħares lejn ir-realtajiet u l-isfidi li jkun hemm fis-soċjetà u tara kif se tadatta biex toffri servizzi adegwati ħalli tgħin lil min ikun fil-bżonn,” qal is-Sur Grixti.

Tinħass il-ħtieġa li s-servizzi għal persuni vulnerabbli ma jieqfux iċ-Ċirkewwa

Illum il-ġurnata l-FSWS kompliet tikber tant li fil-preżent tħaddem madwar 1,000 professjonist li jaħdmu fi tliet aġenziji u tliet direttorati fi ħdanha. Tul dawn l-25 sena, il-FSWS baqgħet impenjata li tipprovdi servizzi ta’ għajnuna u ta’ sostenn lil dawk il-persuni vulnerabbli li jkunu għaddejjin minn xi diffikultà f’ħajjithom.

Fil-fatt taħt it-tmexxija tas-Sur Grixti, waħda mill-affarijiet li għaliha nħasset il-ħtieġa kienet li jkun hemm estensjoni tas-servizzi biex jibdew jingħataw ukoll minn Għawdex. Mistoqsi dwar x’impatt ħalla dan il-fatt, is-Sur Grixti qal li mill-indikazzjoni li għandu jidher biċ-ċar li l-impatt kien wieħed pożittiv. “Bdejna b’mod organiku u adattajna skont il-ħtieġa tas-soċjetà. Kienet talba politika pero kienet ukoll talba li tinsab fl-istrateġija sħiħa tagħna li nżiedu s-servizzi u biex inkunu aktar preżenti fejn hemm il-bżonn,” qal is-Sur Grixti.

Investiment qawwi f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija

Mistoqsi dwar x’għamlet il-Fondazzjoni biex ittejjeb is-servizzi offruti mill-passat u x’jista’ jsir biex tkompli ttejjeb is-servizzi msemmijin, is-Sur Grixti qal: “Xi ħaġa li żgur għenet kien l-investiment kbir, bl-għajnuna tal-MITA u tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija, jiġifieri l-Case Management System (CMS). Illum il-ġurnata għandna sistema fejn il-professjonisti tagħna jistgħu jaraw l-istorja tal-każ li qed jaħdmu fuqu minn kullimkien. Din kienet ferm bżonnjuża għax mhux biss għenet biex il-professjonisti jistgħu jaċċessawha b’mod remot iżda wkoll għaliex b’hekk naqqasna l-karti li jkun hemm bżonn li jiġu arkivjati.”

Żied jgħid: “Punt ieħor importanti huwa s-saħħa li tagħtina l-liġi tal-protezzjoni tat-tfal u l-liġi kontra l-vjolenza domestika. Hemmhekk lilna saħħitilna idejna biex nistgħu nagħtu servizz aħjar lin-nies vulnerabbli.”

Fondazzjoni li temmen tassew fit-taħriġ kontinwu lill-professjonisti tagħha

Is-Sur Grixti spjega li ma’ dawn l-affarijiet ma jistax ma jsemmix it-taħriġ kontinwu lill-professjonisti li jaħdmu fi ħdan il-Fondazzjoni. “Ma nitilfu l-ebda opportunità biex nħarġu lin-nies. Fost il-ħafna eżempji li nista’ nsemmi, il-konferenza li organizzajna s-sena l-oħra tal-International Society of Addiction Medicine (ISAM) mhux biss kienet unika fiha nnifisha iżda serviet ukoll bħala pjattaforma soda biex il-professjonisti tagħna jitkellmu u jisimgħu professjonisti esperti barranin u jitgħallmu minnhom. Apparti minn din il-konferenza, jeżistu diversi opportunitajiet oħra ta’ taħriġ u bħala Kap Eżekuttiv tassew nemmen fl-investiment f’dan il-qasam.”

Xi pjani jew x’servizzi ġodda hemm għall-futur tal-Fondazzjoni?

Mistoqsi bħala Kap Eżekuttiv, xi pjani jew x’servizzi ġodda hemm għall-futur tal-Fondazzjoni, is-Sur Grixti qal: “Hawnhekk nista’ nsemmi żewġ servizzi fosthom dak tat-traffikar uman, li sa issa kien iffinanzjat minn fondi Ewropej u qed ninsistu biex inkomplu b’fondi Maltin. Proġett ieħor għall-qalbi ħafna huwa dak tal-Ħiliet il-Komunità fil-Belt Valletta li nixtiequ jkompli jiżviluppa u nirreplikawh f’postijiet oħra. Apparti minn hekk, rigward il-vjolenza domestika nixtieq ngħid li kull hub li se tiftaħ il-Pulizija żgur ifisser 14-il risk assessor ġodda biex jaħdmu f’xiftijiet differenti. Dawn huma ftit eżempji ta’ x’hemm għall-futur tal-Fondazzjoni filwaqt li ovvjament nibqgħu nsaħħu s-servizzi eżistenti fl-Aġenziji u d-Direttorati kollha tagħna.”

Konferenza unika biex tfakkar il-25 sena ta’ servizz

Flimkien mas-Sur Grixti tkellimna wkoll dwar il-konferenza li saret fl-aħħar t’April biex tfakkar il-25 sena ta’ servizz, liema konferenza kienet importanti ferm b’mod speċjali għaliex fiha pparteċipaw diversi mistiedna distinti barranin.

F’dan ir-rigward huwa qal: “Ridna nfakkru l-25 anniversarju billi nirriflettu fuq dak li qed nagħmlu u naraw kif nistgħu ntejbuh filwaqt li nitgħallmu minn ħaddiehor. Stedinna lis-Senatur u eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi li kien il-kelliem ewlieni f’din il-konferenza… però ma nista’ nnaqqas xejn mill-mertu tal-kelliema l-oħra li ipparteċipaw f’din il-konferenza tant importanti għalina, b’mod speċjali l-kelliema barranin li ċertament jien u kull min ipparteċipa tgħallem mingħandhom. Fost l-aktar messaġġi b’saħħtithom li ħarġu minn din il-konferenza kien dak li ntqal minn Renzi meta tkellem fuq kemm l-Ewropa tiddistingwi ruħha għaliex hija l-iktar kontinent li jinvesti fis-soċjetà u kemm hemm bżonn li l-Ewropa tibqa’ tinvesti fil-qasam soċjali… fil-fatt, kompla Alfred Grixti, is-Senatur Renzi qal hekk: L-Ewropa għadha biss 7% tal-popolazzjoni tad-dinja, u l-ekonomija tagħha hija biss kwart ta’ dik dinjija imma mbagħad l-Ewropa tonfoq 41% tan-nefqa kollha tad-dinja fuq il-qasam soċjali.”

Huwa żied jgħid: “25 sena ilu d-dinja kienet differenti u l-25 sena li ġejjin se jkunu differenti wkoll u ċert li se jkun hemm sfidi. Għaldaqstant irid ikollna l-kapaċità biex nibqgħu versatili. Dejjem irnexxielna nadattaw u dak huwa li jagħmilna Fondazzjoni ħajja u pijuniera fil-qasam soċjali. Meta naraw problemi jfeġġu mhux qed noqgħodu lura imma qed nindirizzawhom.”

Fl-aħħar tal-intervista s-Sur Grixti appella lill-istudenti li qed jagħżlu s-suġġetti tagħhom tal-iskola ħalli jikkunsidraw jagħżlu suġġetti biex jaħdmu fil-qasam soċjali u b’hekk anke huma jkunu jistgħu jgħinu u jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Huwa temm b’ħajr sinċier lill-professjonisti kollha li jaħdmu fi ħdan il-Fondazzjoni għaliex mingħajr l-impenn, id-dedikazzjoni u l-professjonaliżmu ta’ dawn il-frontliners kieku ma jsir xejn.

Ekonomija

Sport