Fit-13 ta’ Frar tal-2020 Dott. Robert Abela ħa l-ġurmanent bħala l-Prim Ministru ġdid ta’ Malta, responsabbiltà kbira li ngħatat lilu fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent b’mod partikolari l-pandemija tal-Covid-19.
Segwu din il-kriżi serja, inflazzjoni qawwija u tensjonijiet ġeopolitiċi serji bil-gwerer fl-Ukrajna u f’Gaża iżda mhux biss. Minkejja l-isfidi, il-Prim Ministru Robert Abela, irnexxielu jżomm lil pajjiżna sigur, soċjalment ġust u f’qagħda ekonomika stabbli. Dan grazzi għad-deċiżjonijiet kuraġġużi meħuda b’ruħ soċjali f’dawn is-sitt snin ta’ tmexxija tiegħu.
Filwaqt li x-xokkijiet globali għadhom għaddejjin, il-kwalità tal-ħajja f’Malta kompliet titjieb biċ-ċittadini dejjem fil-qalba tal-politika mħaddna. Minn intervista li għamlitlu IT-TORĊA joħroġ ċar li Malta se tibqa’ miexja ‘l quddiem bi Gvern viċin u għan-nies.
Dott Abela, flok għamel bħal pajjiżi oħra, inklużi Ewropej, li jmur lejn politika ta’ awsterità, għażel li jinvesti fin-nies. Dan għax huwa jemmen fin-nies u b’dan il-mod in-nies temmen fih. Dawn huma l-mistoqsijiet li għamilnielu b’ħarsa lejn is-sitt snin ta’ ħidma tiegħu u lil hinn.

