Saturday, December 21, 2024

“Dejjem kont kontra li l-istat juża l-Housing bħala rigal politiku”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt li kien qiegħed jagħmel id-diskors tiegħu b’rabta mal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Condominia qal li huwa dejjem kien kontra li l-istat juża s-sistema tal-Housing daqslikieku hija xi rigal politiku.

Galdes qal li hemm differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Il-Ministru qal li ilu ħames snin sħaħ jispjega dwar id-diffikultajiet ta’ ħafna familji. Tkellem dwar ċirkostanzi li jeżistu li qegħdin jikkawżaw faqar u li m’għandu l-ebda tort dan il-gvern. Fost ċirkostanzi oħra tkellem dwar separazzjonijiet, dawk li jbatu minn xi forma ta’ vizzji u dawk li qegħdin ibatu minn vjolenza domestika fost l-oħrajn.

Galdes qal li ħafna mill-akkomodazzjonijiet soċjali nbdew fi żmien Gvern Laburista u ppreżenta grafika li turi l-ammont ta’ bini li sar biex jikkonferma dan.

Fakkar lid-Deputat Nazzjonalista li kien hawn aktar minn 3,000 persuna li kienu fil-lista ta’ stennija lura fl-2013, iżda din illum niżlet għal ftit aktar minn 1,000 persuna.

Fakkar il-wegħdi tal-Partit Nazzjonalista fl-2008, wegħdi ta’ appartamenti fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp, postijiet u proġetti mwegħdin li baqgħu fuq il-pjanta sakemm dan il-gvern għamilhom fil-pjanijiet tiegħu biex ikompli jgħin lin-nies.

Il-Ministru Galdes qal li l-Partit Nazzjonalista, minkejja li jsejħu lilhom bħala Demokristjani, dawn fil-prattika dejjem ħadmu għal dawk li l-aktar kienu privileġġjati. Qal li “din hija realtà li n-nies hemm barra rriġettaw fl-2013, irriġettaw fl-2017 u jekk Alla jrid jerġgħu jirriġettaw din is-sena.”

Il-Ministru qal ħabbar li għall-ewwel darba fl-istorja, dan il-gvern se jibqa’ jaħdem sakemm jibqgħu jonqsu n-numru tan-nies li qegħdin jistennew akkomodazzjoni. 

“Magħna kulħadd jaf fejn hu, ħaddieħor iwiegħed u ma jwettaq xejn”, tenna il-Ministru filwaqt li fakkar dwar budget fqir ta’ €2 miljuni li kellu gvern Nazzjonalista. Huwa sostna li dan il-gvern għandu budget b’20 darba iżjed minn dak iż-żmien u wiegħed li ma jistrieħx qabel jagħti l-għodda lil kulħadd biex jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ dawk li l-aktar għandhom bżonn.

Ekonomija

Sport