Il-lejla tad-29 ta’ Awwissu kienet waħda memorabbli għas-segwaċi tal-Eurodance f’Malta. Nathalie Aarts, il-vokalista prinċipali tal-grupp ikoniku The Soundlovers kienet fir-raħal taż- Żurrieq u ħalliet il-marka tagħha fuq l-udjenza b’diski klassiċi tas-snin 90 u 2000, fil-qafas ta’ kunċert li l-organizzaturi ħasbu li jiġbru xi flus minnu għal Dar Bjorn.
F’intervista esklussiva ma’ dan is-sit, Nathalie qalet hekk dwar iż-żjara tagħha f’Malta.
“Issa hija t-tieni darba tiegħi li ninsab hawn. Għadda ħafna żmien minn meta kont żgħira u kont qed inkanta dawn id-diski u jien ninsab kuntenta li kont parti minn ġenerazzjoni tal-bidu ta’ dan is-seklu. Dejjem sabiħ li nerġa’ niġi hawn għax għandi . Il-kunċert fi–Żurrieq kien għal kawża tajba u għalhekk iktar ninsab sodisfatta li kont parti minn dan is-suċċess.”
Nathalie Aarts twieldet fis-6 ta’ Novembru 1969 fil-belt ta’ Breda, l-Olanda, Nathalie żviluppat passjoni fil-mużika minn età żgħira. Matul l-ewwel snin ta’ ħajjitha, studjat il-pjanu, il-kitarra, u imbagħad il-kant. Fl-1989, kisbet diploma bħala għalliema ta’ jazz dance, passjoni li kienet ilha tapprezza minn meta kienet tfajla żgħira.
Il-karriera tagħha bdiet bħala l-vokalista tal-grupp The Fuse u fl-1984 kienet ukoll l-attriċi prinċipali fil-film Picking Up The Pieces, li hu kkunsidrat suċċess f’diversi Ewropej u rebaħ diversi premjijiet. Fl-1991, Nathalie bdiet karriera solo u fl-1996 ingħaqdet ma’ The Soundlovers, grupp Eurodance li sar magħruf għall-hits bħal Run Away, People, u Surrender.
Il-karriera ta’ Nathalie ma’ The Soundlovers kienet mimlija suċċessi. Il-grupp ħareġ diversi albums u singles, inklużi People (1997), Hyperfolk (2003), u Club Stars 2004. Il-kanzunetti tagħhom kienu popolari fi klabbs madwar l-Ewropa, speċjalment fl-Italja, fejn “Surrender” qagħdet fil-quċċata tal-kartelluni tal-mużika dance.
“Kont mimlija entużjażmu imma wkoll xi ftit eċitata wkoll. Kien hemm sfidi kbar meta bdejt il-karriera ma’ The Fuse u mbagħad bħala solo. Imma kull pass li ħadt kien esperjenza prezzjuża u ħassejt li qed ngħix il-ħajja vera tiegħi.”
Wara li German Leguizamon telaq mill-grupp, Nathalie kienet il-wiċċ ewlieni waħidha. Il-grupp kompla jipproduċi mużika u fl-2006 ħarġu l-kanzunetta Can’t Stop Dancing, filwaqt li fl-2008, My Body and Soul. Fl-2013, ħarġu l-aħħar single tagħhom, Be My Man, u Nathalie ddeċidiet li tiffoka fuq kunċerti live madwar id-dinja.
Saqsejna lil Nathalie kif rat il-mużika tinbidel f’dawn l-aħħar snin.
“Il-mużika nbidlet ħafna, speċjalment bil-wasla tal-internet. Fis-snin bejn il-2001 u l-2004 bdiet opportunità kbira għalina biex ngħaddu l-messaġġ tagħna globalment anke permezz tal-internet.”
Iżda kif taħdem fuq kollaborazzjonijiet ġodda?
“Jien dejjem infittex artisti li jaqsmu l-istess valuri. Kollaborazzjoni trid tkun kreattiva, oriġinali u kapaċi tifforma esperjenza mużikali li tħalli marka fuq min jisma’.”
Hi tispjega kif il-kreattività u l-passjoni baqgħu l-kriterji ewlenin tagħha fil-produzzjoni tal-mużika, u kif il-grupp dejjem ifittex li jintroduċi elementi ġodda u oriġinali, mhux biss biex ikollhom segwaċi ġodda, imma biex jiżguraw li l-arti tagħhom ikollha impatt.
“Il-messaġġ tiegħi għal kull min jixtieq jidħol f’din l-industrija huwa: kun oriġinali, mhux tipprova tikkopja. Investi biex turi l-arti tiegħek, u dejjem offri xi ħaġa ġdida u verament tiegħek.”
Il-prestazzjoni fiż-Zurrieq kien mument speċjali għal Nathalie:
“Inħossni tajba li nerġa’ niltaqa’ mas-segwaċi tiegħi f’Malta. Dejjem kuntenta li nerġa’ nispikka hawn, u li nkun parti minn kawża tajba, xi ħaġa wisq sabiħa.”
Matul il-karriera tagħha, Nathalie ħolqot impatt sinjifikanti fuq il-ġeneru tal-Eurodance.
Il-kanzunetti tagħha għadhom jinstemgħu fi klabbs u f’festivals madwar id-dinja. Hi baqgħet figura prominenti, mhux biss minħabba l-vuċi tagħha, imma wkoll minħabba l-enerġija u l-passjoni li ġġib fil-prestazzjonijiet tagħha.
Saqsejniha wkoll kif inhi s-sitwazzjoni tal-mużika fil-preżent fl-Olanda.
“Il-mużika elettronika u dance dejjem qed tkompli tikber f’pajjiżi. Ħafna klabbs u diskoteki kienu u għadhom jipprovdu l-ispazju biex artisti żgħar jistgħu juru l-ħiliet tagħhom, u kont inħossni imħeġġa biex inkun parti minn din l-enerġija u ngħaddi l-vuċi tiegħi.”
Hija spjegat ukoll l-esperjenzi tagħha fid-diskoteki fl-Olanda: “Il-kant u l-mużika fid-diskoteki hu mod biex ngħaddi l-messaġġ tiegħi direttament lis-segwaċi. L-enerġija fid-dance floor u l-feedback immedjat hi sensazzjoni li ma tistax tqabbilha speċjalment meta tara n-nies jiżfnu. Dejjem inħoss bħal dak il-mument jgħaddi energija lura lejn l-artista, u dak jagħmel kull kunċert speċjali.”
Hi tkompli turi kif artisti għandhom iħossu responsabbiltà li jkunu oriġinali, kreattivi, u kif il-mużika tista’ tgħaddi messaġġ u emozzjoni lill-udjenza, mhux biss tgħin biex ikollok fama online.
Nathalie Aarts litteralment ipproduċiet lejl memorabbli fiż-Zurrieq u l-udjenza kellha ċ-ċans tisma’ diski klassiċi tas-snin 90 u 2000, enerġija kbira u ħsejjes li jġibu memorji kbar.
L-impatt tagħha fuq il-mużika dance u l-Eurodance jibqa’ evidenti, u l-messaġġ tagħha dwar l-oriġinalità u l-passjoni jibqa’ ispirazzjoni għal artisti ġodda.
Għal aktar informazzjoni dwar Nathalie Aarts u l-proġetti tagħha, wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali fuq nathalieaarts.net.