Tuesday, December 24, 2024

“Dejjem nara li nirrappreżenta lil pajjiżi bl-aqwa mod possibbli għax kburi li jien Malti”

- l-artist Malti tat-tattoos Samuel Schiavone

Aqra wkoll

L-artist Malti tat-tattoos, Samuel Schiavone, għadu ġej minn esperjenza fil-belt kapitali Irlandiża Belfast fejn għamel unur għal pajjiżna waqt il-parteċipazzjoni tiegħu fit-Titanic Tattoo Convention, li għadha kemm ġiet organizzata fuq tlett ijiem fil-bidu t’Awwissu.

Schiavone jgħix f’Ħaż-Żabbar u apparti t-tpinġija, hu jħobb ħafna l-arti, id-disinn u l-fotografija. Dawn il-passatempi għaqqadhom flimkien sabiex ħareġ bil-karriera tat-tpinġija li tant jagħmilha bil-qalb.

Schiavone kiseb l-ewwel post fil-kategorija tal-aqwa tattoo u f’ġurnata minnhom ta’ din il-konvenzjoni hu saħansitra spiċċa wkoll fit-tieni post inġenerali tal-kompetizzjoni kollha.  

It-tpinġija tiegħu, li spikkat fost l-artisti kollha li ħadu sehem minn madwar id-dinja, kellha suġġett prinċipali imsejjaħ stil noir b’wiċċ l-attriċi ikonika tas-snin erbgħin, Lauren Bacall. L-isem proprja tagħha kien Betty Joan Perske u mietet madwar għaxar snin ilu fl-eta’ ta’ 89 sena. Hi kienet famuża fl-Istati Uniti għan-numru ta’ films li ħadmet.

Is-sena 2024 kienet waħda mimlija għal Samuel fejn minbarra t-Titanic Tattoo Convention,hu ħa sehem fil-Milano Tattoo Convention. F’din l-aħħar attivita’ li saret fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Jannar, hawn ukoll kellu suċċess identiku bħal dak fl-Irlanda ta’ Fuq.

Dan is-sit tkellem ma’ Samuel Schiavone li kien kuntent bis-suċċess li kiseb f’Belfast.

“Kienet esperjenza sabiħa ħafna u din kienet it-tielet darba li tlajt għall-kompetizzjoni internazzjonali. L-aħħar darba kien fil-belt ta’ Milan fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar. Anke hemmhekk bħal lum irbaħt unur ieħor. Kien hemm diversi kategoriji għalkemm jien ħadt l-aqwa wiċċ jew kif jgħidulu l-Ingliżi portrait. Kelli wkoll l-unur li nieħu l-aqwa tpinġija tal-ġurnata u għalhekk il-kobor ta’ din il-kompetizzjoni jkompli jikber. Kienet kompetizzjoni fuq tlett ijiem bil-ġudikanti li kienu qed jaraw bir-reqqa kull dettall. Dan juri li l-kompetizzjoni kienet waħda akkanita.”

Schiavone tkellem dwar il-wiċċ partikolari li għamel ta’ Lauren Bacall, attriċi ferm ħelwa u sabiħa mill-Istati Uniti li fis-snin erbgħin, ħamsin u sittin kienet protagonista b’numru ta’ films bl-istampa bajda u sewda.

“Żgur mhux se ninsa dak il-wiċċ senswali tagħha li ġabli suċċess kbir. Din l-attriċi kienet popolari ħafna u kien għalhekk li għażilt lilha biex nagħmilha fit-tpinġija tiegħi. Din għalija se tibqa’ esperjenza speċjali.”

Saqsejna lil dan l-artist Malti tat-tattoos dwar kemm din l-arti għadha taboo speċjalment fost xi segment tas-soċjeta’ li għadha tara t-tpinġija fin-nies bħala xi ħaġa mhux daqstant sabiħa.

“Nemmen li matul dawn is-snin naqset ħafna din il-mentalita’. Veru li għad fadal iżda issa naqset għax in-nies tgħallmu li mhux it-tpinġija tagħmlek nies iżda l-karattru tiegħek. Hu ta’ pjaċir li kien hemm anke d-deċiżjoni li tittieħed dwar pulizija li jistgħu japplikaw anke jekk ikollhom tpinġija.”

Kellimna lil Samuel Schiavone dwar kemm jaħseb li t-tpinġija tista’ ssejħilha arti.

“Iva nemmen li din hi arti kollha kemm hi. Hu l-artist li joħloq biċċa arti bil-mod ta’ kif iħoss u jimxi skont l-istil tal-klijent. Bħala kantant jesprimi ruħu bil-mużika u poeta bil-poeżija, artist tat-tattoos jesprimi ruħu b’din l-arti. Hi esperjenza sabiħa wisq meta tara lin-nies kuntenti bit-tpinġija li tkun għamiltilhom.”

Finalment Samuel Schiavone, rebbieħ fit-Titanic Tattoo Convention, xtaq jagħti messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħsbuha sabiex jaqbdu karriera fit-tpinġija.

“Nista’ ngħidlek li din hi karriera sabiħa ħafna. Illum il-ġurnata Malta żviluppat wisq u għalhekk kapaċi bniedem jagħmel xogħol biha. Jien ninkoraġixxi lill-artisti Maltin biex jaqbdu din il-karriera u jekk ikollhom ċans imorru barra minn Malta għax hemmhekk l-opportunitajiet huma kbar. Meta jagħmlu żmien jitgħallmu hemmhekk, jiġu Malta u jipprattikaw dak li jkunu ħadu. Kif nafu Malta hu pajjiż żgħir u għalhekk hemm ċerti limitazzjonijiet. Fuq kollox sabiħ ħafna li artisti barranin ikunu jafu eżatt x’nagħmlu f’pajjiżna u kemm għandna talent.”

“Jien dejjem nara li nirrappreżenta lil pajjiżi bl-aqwa mod possibbli għax kburi li jien Malti. Dan l-unur li ħadt niddedikah għal dawk li emmnu fija u li tawni l-kuraġġ biex naqbad din il-karriera li għandha futur sabiħ f’pajjiżna.”

Ekonomija

Sport