Wednesday, December 25, 2024

Dejjem onorajt il-bandiera Maltija bl-aqwa mod possibbli – Matthew Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Matthew Zammit hu player tal-waterpolo li ftit tal-ġranet ilu kien parti mit-tim nazzjonal Malti mmexxi minn Karl Izzo li ħa sehem fil-kampjonat Ewropew tal-LEN li sar fil-fil-belt ta’ Split, fil-Kroazja. 

It-tim Malti spiċċa fl-14-il post ta’ din il-kompetizzjoni wara li fil-finali għat-13 u l-14-il post għeleb lis-Slovenja 13-9. Huma għal ftit ma rnexxielhomx itejbu fuq din il-pożizzjoni iżda naqqsu milli jirbħu lill-Ġermaniżi li eventwalment għelbuna 14-11 minkejja wirja qalbiena mill-plejers Maltin.

Wara li fil-jiem li għaddew tkellimna mal-coach nazzjonali Karl Izzo, ħadna wkoll il-kummenti ta’ Matthew Zammit, captain tat-team, għandu 34 sena u li ħabbar li se jirtira mit-team nazzjonali Malti wara li ħa sehem f’dawn il-kampjonati. Għalih din kienet ir-raba’ parteċipazzjoni wara li ħa sehem ukoll fl-edizzjonijiet ta’ Serbja 2016, Spanja 2018 u l-Ungerija 2020.

Talk.mt ħa l-kummenti ta’ Matthew Zammit wara din il-parteċipazzjoni pożittiva li kellhom Malta filwaqt li analizza l-partiti li lagħbu hekk.

“Il-partita kontra l-Ġermanja kellha tkun l-aħħar waħda tiegħi. Kont ili 16-il sena nilbes il-kappa tat-team nazzjonali Malti. Niftakar id-debutt tiegħi qisu lbieraħ. Dejjem onorajt il-bandiera Maltija bl-aqwa mod possibbli.”

Ix-Xellugi, kif inhu magħruf, xtaq jagħmel xi ringrazzjamenti wara dan it-tragward kbir li kiseb.

“Ma nistax ma nirringrazzjax lil sħabi, dawk preżenti u passati, il-coaches li kelli, l-istaff tekniku u l-kumitat tal-ASA li dejjem sibt appoġġ kontinwu min-naħa tagħhom.”

Matthew Zammit qalilna li jinsab ferm kuntent bil-wirjiet tat-tim f’dan il-kampjonat Ewropew minkejja li għaddew minn provi iebsa speċjalment fil-grupp iebes li lagħbu fih fejn kien jinkludi lit-team ospitu tal-Kroazja, il-Greċja u Franza.

“Jekk nanalizza ftit il-logħbiet kollha li lgħabna, kellna sessjoni pożittiva ferm kontra l-Kroazja fil-logħba inawgurali għalkemm imbagħad ħaduna u tlifna l-partita.”

“Kontra l-Greċja kellna sessjoni ferm negattiva fejn sofrejna ħafna goals fil-bidu u dan effettwa r-riżultat finali.”

“Madankollu fil-logħba kontra Franza konna magħhom tul il-ħin kollu fejn attakkajna u anke skorjajna. Avolja tlifna l-partita konna qed inħejju għall-partita importanti kontra s-Slovenja li rbaħna bi skor konvinċenti.”

Zammit qal li dan kien l-aqwa kampjonat Ewropew li qatt lagħbu meta tqis li sabu l-ħin jattakkaw, ma qagħdux lura u ma wrew l-ebda sens ta’ inferjorita’ kontra avversarji ferm aktar ikkwotati minnhom filwaqt li nkisbet l-ewwel rebħa f’dawn il-kampjonati.

Zammit qal li kien ferm onorat li ntgħażel bħala captain mat-team nazzjonali fejn ta li seta’ sabiex bl-esperjenza tiegħu jgħin liż-żgħażagħ emerġenti li kienu ferm tajbin u taw wirjiet eċċellenti.

“Meta nsemmi ż-żgħażagħ li daħlu, ma nistax ma nsemmix ukoll li l-waterpolo Malti għandu futur mill-isbaħ speċjalment minħabba l-esperjenza li ħadu li nassigurak hi waħda kbira.”

“Meta int tilgħab f’kampjonat daqshekk prestiġġjuż u tara dawk il-players ta’ kalibru jilagħbu kontrik, xi ftit tal-eċitament ikollok għalkemm dejjem irridu nieħdu tagħlima kull meta r-riżultat ma jkunx daqshekk tajjeb. Ġaladarba jirnexxielek tagħmel dan, il-wirjiet se jitjiebu kif ġara fl-aħħar tliet logħbiet li Malta rnexxielha tibqa’ mal-avversarji tagħha sas-suffara tar-referee.”

“Finalment irrid ngħid li dan hu l-bidu ta’ affarijiet sbieħ li ġejjin fil-waterpolo Malti. Jien xorta se nipprova nagħti l-kontribut tiegħi lejn din il-logħba li saret parti minn ħajti.

Nemmen f’kull player f’dan it-team u iva għandna talent. Nittama li l-waterpolo jikseb ir-rikonoxximent li jixraqlu f’pajjiżna. Jixraqlu għax irnexxielna niktbu l-istorja f’kompetizzjoni prestiġġjuża bħalma hi l-Kampjonat Ewropew tal-LEN.”

Ekonomija

Sport