Sunday, December 22, 2024

Dejjem trid taħdem biex issir aħjar – Luca Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm?

Ili ngħum minn meta kelli biss tliet snin. Kont inkun fis seba’ sema meta il-ġenituri kienu jgħiduli li kienet tkun waslet il gurnata li jkolli l-lezzjoni tal-għawm.

X’suċċessi riċenti kellek?

Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Ġunju seħħet lewwel tellieqa tal-Garmin BSJ Open-Water championships. F’din it tellieqa ksibt l-ewwel post b’ħin ta’ 25 minuta u 22 sekonda li huwa rekord personali. Dan ma kienx ikun possibli mingħajr l-għajnuna tal-kowċ tiegħi, Julian Harding, u l-isponsor, Eurosport

Tiftakar liema kien l-ewwel unur prinċipali li rbaħt?

Fis-sena 2020 ħadt sehem fit-tellieqa tal-Gozo Malta fejn ksibt l-ewwel post fil-Kategorija B (akkumpanjat b’dgħajsa). Minn hawnhekk indunajt li l-Open Water kien sport li fih stajt nimxi ‘l quddiem.

Kif nafu l-għawm għandu ħafna tipi ta’ kompetizzjonijiet illi jiġu organizzati. Liema l-iktar waħda li tħossok komdu tipparteċipa fiha?

Jien inħobb ngħum kemm fil-pixxina, kif ukoll fil-baħar, għal distanzi qosra bħal 50M u 100M nippreferi ngħum fil-pixxina waqt li distanzi li huma itwal bħal 2k-7k nippreferi nghum fil-bahar. Iż-żewg postijiet fej ngħum u nikkompeti ghandhom il-fatturi tagħhom li jghamluhom tant għal qalbi.

Kellimni ftit dwar il-kowċ illi titħarreġ miegħu u kemm dan jgħinek fil-karriera tiegħek.

– Il-kowċ tiegħi Julian Harding kellu impatt kbir fil-karriera tal-għawm tieghi.  Meta sa ftit snin ilu jien kont qisni weħilt fl-istess post, imxejt ma’ klabb ieħor u hawnhekk sibt motivazzjoni kbira mingħand il-kowċ.  Dejjem imbuttani biex nemmen fija nnifsi u b’hekk issudajt mentalment u fiżikament.  Bis-saħħa tal-kowċ, irnexxieli nilħaq ħinijet li fil-passat kienu biss ħolma.  Apparti t-taħrig intensiv li nagħmel miegħu, il-kowċ dejjem ikun lest biex jitkellem miegħi u jimmotivani għat-tlielaq li jkunu ġejjin.

X’suċċessi ewlenin ksibt barra minn Malta?

S’issa għadni qatt ma ppartecipajt fi tlielaq tal-Open Water barra minn Malta. Nara li bhal ma jigu organizzati tlielaq u kompetizzjonijiet ohrajn internazzjonali, l-Open Water swimming jiflah ikun iktar rikonnoxxut b’tim nazzjonali Malti fej l-atleti jkollhom ic-cans barra minn xtutna.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji personali tiegħek u l-għawm?

Minħabba li fil-ġurnata jien ikolli żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ li jokkupawli ħafna mill-ħin liberu tiegħi, importanti ħafna li l-ftit ħin li jkolli d-dar, jew bejn lezzjoni u oħra nikkonċentra fuq l-istudju u kemm jista jkun ma nħallix li naqa’ lura.  Ghadni kif lestejt lewwel sena fl-Universitá ta’ Malta tal-kura medika tan-Nursing u beħsiebni nkompli nżomm bilanċ bejn l-isport u l-istudju.

Taħseb li fil-futur jista’ jkun hawn għawwiema li jkunu professjonali u jaqilgħu x’jieklu bl-isport illi jipprattikaw?

Bħala pajjiż żgħir, huwa diffiċli sabiex wieħed ikun jipprattika sport bħala mezz ta’ għajxien ewlieni tiegħu. Ħafna mill-atleti profesjonali Maltin isiefru barra minn Malta sabiex ikunu iktar rikonoxxuti.

Problema illi nara Malta hija l-fatt illi intom tikkompetu kontra l-istess għawwiema u għalhekk meta tipparteċipa f’kompetizzjoni internazzjonali forsi r-realtá hija waħda differenti. Kemm hu importanti illi jsiru dawn it-training camps?

Meta tikkompeti kontra l-istess għawwiema awtomatikament bħala kompetizzjoni tkun inqas immotivata għalkemm inti xorta tipprova dejjem ittejjeb il-ħin tiegħek. Għalhekk permezz ta’ training camps u kompetizzjonijiet barra minn Malta wieħed jista jikkumpara l-livell tiegħu ma’ atleti barranin.

Kemm hu importanti illi għawwiem ikun ippreparat ukoll psikoloġikament għal xi tellieqa?

It-tlielaq jiddependu ħafna fuq il-psikoloġija tal-atleta. Jekk żewg atleti tal-istess livell kellhom jikkompetu ma’ xulxin, fejn wieħed huwa pożittiv u jemmen li jista’ jirbaħ, filwaqt li l-ieħor ma jemminx fih innifsu u jaqta’ qalbu malajr, dak li huwa determinat u pożittiv ikun iktar komdu mentalment biex jaffaċċja l-isfida.

Bħala għawwiem professjonali tal-Open Water, inħoss li hawn Malta hemm bżonn li jkun hemm iktar investiment fl-isport tal-open water, speċjalment meta wieħed iqis li pajjiżna huwa mdawwar bil-baħar u m’għandniex tim nazzjonali Malti.

Kellimni ftit dwar l-infrastruttura li teżisti f’Malta fejn għandu x’jaqsam it-taħriġ tal-għawm.

F’Malta, il-postijiet fejn tista’ titħarreg fl-għawm huma limitati u minħabba f’hekk meta jinqala’ xi maltemp u l-pixxina jkollha tagħlaq, is-sessjoni ta’ taħriġ ikollha tiġi mwaqqfa ħesrem. Barra minn hekk minhabba li ma tantx hawn aċċess għal pixxini imsaħħnin, fix-xitwa jkun hemm ammont ikbar ta’ atleti jitħarrġu kollha fl-istess ħin.

Kemm huwa importanti għalhekk illi f’Malta jkollna pixxina ‘indoor’, bħal dik li nfetħet riċentement fil-Kottonera?

Fil-ġranet kesħin, l-użu ta’ pixxina ‘indoor’ ikun vijabbli biex it-tqassim tal-għawwiema jsir f’pixxini differenti. Apparti minn hekk, din ma tagħlaqx f’każ ta’ maltemp.

X’inhuma s-sagrifiċċji illi tagħmel sabiex tirnexxi personalment bħala atleta fl-isport li tant tħobb?

Bħala atleta li nitħarreġ filgħodu u filgħaxija, huwa importanti ħafna għalija li jkolli ħin ta’ mistrieħ adekwat sabiex inkun nista’ nirkupra. Dan iġib miegħu sagrifiċċji kbar speċjalment kif inqassam il-ħin tad-divertiment, kif ukoll noqgħod attent għall-ikel li niekol.

Kemm issib għajnuna mill-ġenituri?

Il-ġenituri tiegħi huma pilastru importanti ħafna fil-karriera sportiva tiegħi. Dan minħabba l-ħinijiet tat-taħriġ, spejjeż li jġib miegħu l-isport u biex jgħinuni bl-immaniġġjar tal-ħin (time-management).

Kemm jgħinek l-għawm fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?

Bħala atleta, jien inħossni iktar b’saħħti kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Wara t-taħriġ, għalkemm ħafna drabi, dan ma jkunx faċli, inħossni pożittiv li nkun lestejt is-sessjoni tiegħi.

Kif qed tarah il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Nara li għandi potenzjal li nkompli nipprattika dan l-isport kemm fil-baħar kif ukoll fil- pixxina. Barra minn hekk, l-esperjenza tiegħi bħala atleta se tgħinni biex ngħallem lill- għawwiema iżgħar minni li fi ftit snin oħra jibdew jitħarrġu għal dan it-tip ta’ sport.

Għaddi messaġġ finali lil min bħalek jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-għawm.

Ħa jkun hemm mumenti fejn tiltaqa’ ma’ pressjoni minn diversi fatturi, pereżempju, ħbieb u skola li jġiegħluk taħseb li għandek tieqaf, iżda f’dawn il-mumenti, wieħed għandu jimxi b’moħħu u mhux b’qalbu, għax sa fl-aħħar wieħed jitjieb f’mumenti ta’ tbatija u mhux kumditá. Qatt m’għandek tkun kuntent b’dak li għandek, iżda dejjem trid taħdem biex issir aħjar!

Ekonomija

Sport