Friday, January 16, 2026

‘Dejjem xi ħaġa sabiħa li tilħaq tragward sabiħ, u ninsab pożittiv biex inkompli nilħaq dawn it-tipi ta’ tragwardi’ – Ayrton Azzopardi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ etá żgħira ħafna. L-ewwel partita li rajt f’ħajti kienet l-Finali tat-Tazza UEFA tal-1997. Kienet finali fejn Ronaldo l-Brażiljan kien għamel wirja spettakolari, u kien ta’ ispirazzjoni kbira għalija. Kien biss fl-etá żgħira ta’ erba’ snin meta bdejt nilgħab ma’ Pietá Hotspurs FC. 

X’tikkummenta fuq it-tragward tal-200 partita uffiċjali fil-karriera tiegħek li lħaqt proprju fil-jiem li għaddew?

Rigward it-tragward tal-200 logħba li nista’ ngħid huwa li nirringrazzja ‘l Alla li wasalt għalihom. Dejjem xi ħaġa sabiħa li tilħaq tragward sabiħ, u ninsab pożittiv biex inkompli nilħaq dawn it-tipi ta’ tragwardi. Nixtieq nirringrazzja lill-klabb ta’ Qormi tar-rikonoxximent li tawni għal dan it-tragward ukoll.

Iddeskrivi ll esperjenza prezenti tieghek ma’ Qormi FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Qormi FC hija waħda pożittiva ħafna. Il-klabb laqagħni tajjeb ħafna sa mill-ewwel ġranet tiegħi. Hemm grupp ta’ nies li jħobbu ħafna l-klabb u għandhom aspirazzjonijiet ta’ rebħ. Dawn huma l-ewwel affarijiet li laqtuni peressli jien l-objettiv tiegħi huwa dejjem li nirbaħ kull fejn immur. Kienet ix-xewqa tiegħi wkoll li ningħaqad ma’ Qormi FC, għax huwa l-klabb u l-belt tal-familja tiegħi.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

L-andament tal-istaġun s’sissa huwa wieħed pżsittiv, fejn ninsabu f’pożizzjoni tajba ħafna fil-klassifika. Kellna rebħiet minimi fejn urejna karattru, u kellna partiti wkoll fejn iddominajna l-partita. Qegħdin ukoll fis-Semi-Finali tat-Tazza li tintlagħab iktar tard matul is-sena li nixtiequ wkoll nkunu hemm għar-rebħ tagħha.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi ta’ dan l-istaġun huma l-promozzjoni għaċ-Challenge League. Personalment nixtieq ukoll ir-rebħ tal-Kampjonat. Mhux ħa tkun faċli għax hemm ħafna timijiet ippreparati kif ukoll b’saħħitom biex jippruvaw jostakolaw dan. Għandna wkoll it-Tazza li nixtiequ nkunu protagonisti fiha.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Rigward il-livell tal-futbol Malti, jidher il-fatt li żied fil-livell fiżiku. Rajtu wkoll naqqas ftit bħala livell tekniku. Naħseb li qed jiġu iktar plejers barranin bi kwalitajiet ta’ fiżika milli ta’ teknika ikkumparati ma’ 10/15-il sena ilu. Rigward il-plejers Maltin, ħafna minnhom ftit qed isibu spazju. Ikun hemm min anke plejers li normalment jilagħbu f’pożizzjoni offensiva jinżlu jilagħbu f’pożizzjoni differenti biex jippruvaw isibu spazju.

Ovvjament dan ma naħsibx li tant jgħin lilna bħala pajjiż fuq pjan fit-tul peró naħseb li huwa suġġett li għandu jiġi ttekiljat meta l-plejers Maltin ikunu ħafna iżgħar biex ikunu jistgħu jagħmlu avvanz kemm fiżiku u anke tekniku.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Dwar riżorsi ta’ grawnds, ifhem m’aħniex attrezzati daqs pajjiżi oħra. Grawnds tal-ħaxix ma tantx għandna. Dwar fejn nikkompetu dan l-istaġun ovvjament trid tilgħab, inutli l-ħsibijiet. Huma affarijiet fejn il-plejer m’għandux jaħseb fuqha hu u jrid jaddatta għal kull tip ta’ grawnd.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Rigward il-futur tiegħi, ninsab kuntent ħafna fejn qiegħed bħalissa. L-objettiv tagħna bħala klabb huwa li din is-sena jkollna staġun ta’ suċċess, biex is-sena d-dieħla nkomplu nibnu fuq li beda jinbena dan l-istaġun. Rigward il-futur personali jrid jiddeċiedi ruħu maż-żmien peró ninsab kuntent li speċjalment dawn l-aħħar sentejn kelli ħafna logħob bla injuries u nixtieq inkompli nilgħab għal ħafna iktar snin fejn nerġa’ nkun nista’ nilgħab fl-aħjar livelli tal-futbol Malti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Messaġġ finali għal min irid karriera ta’ suċċess fil-futbol huwa wieħed sempliċi biex tgħidu imma iebes biex issegwih. Nemmen li fil-ġurnata tal-lum importanti ħafna li tkun tajjeb kemm teknikament minn ta’ etá żgħira u anke fiżikament meta tibda tikber, peró l-iktar ħaġa tajba li jista’ jkollu plejer hija li jżomm b’saħħtu mentalment. B’hekk ikun jista’ jemmen ħafna fih innifsu, imbagħad il-karrateristiċi tal-futbol jiġu awtomatikament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport