Thursday, November 20, 2025

‘Dejjem xtaqt inkun champion ta’ Malta u issa din il-ħolma ġietni realtá’ – Nicolai Mallia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bowling?

Nixtieq nibda billi ngħidlek grazzi tal-intervista tiegħek u tal-importanza li tagħti lill-isport tagħna.

L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport bdiet f’etá tant żgħira. Kont ninżel il-bowling man-nanna tiegħi fejn iz-ziju tiegħi Bjorn Tabone li jagħmel parti minn Special Olympics Malta kien jinżel jittrenja darbtejn fil-ġimgħa u n- nanna kienet tixtrili ‘unlimited tickets’ biex noqgħod nilgħab waħdi sakemm jgħaddi l-ħin. Ngħid li l-imħabba tiegħi lejn l-isport dehret mill-ewwel għax kif kont inkun il-bowling kont inħossni qiegħed fil-ġenna tal-art!

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew irbaħt il-Kampjonati Nazzjonali tal-Bowling? Kif preparajt għalihom?

Din ir-rebħa fissret ħafna għalija għax dejjem minn żgħir minn mindu bdejt il-bowling dejjem xtaqt inkun champion ta’ Malta u issa din il-ħolma ġietni realtá!

Din ma kinitx faċli għall-ġenituri tiegħi kif ukoll għalija. Kelli ħafna taħriġ ġej u sejjer l-Eden Super Bowl biex nipprova nitjieb fil-logħba tiegħi u b’hekk ir-riżultat wera għax jiena, dan l-isport huwa ħajti!

Kif tqis il-livell tal-bowling f’pajjiżna fil-preżent?

Meta tqis il-kobor tal-pajjiż tagħna u l-midalji li nirbħu, inħoss li l-livell tal-bowling f’Malta huwa wieħed għoli ħafna, fejn aħna l-Maltin nirbħu kontra pajjiżi ġganti f’dan l-isport u ż-żgħażagħ li hemm bħalissa huma ta’ livell kbir u dik tgħinek f’kull kompetizzjoni għax ikollok sfida kbira, u hemmhekk tgħinek ittejjeb iktar il-logħba tiegħek.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu, u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-post fejn nitħarrġu huwa wkoll il-post fejn isiru l-kompetizżjonijiet. Il-post huwa wieħed gdid u attrezzat bl- aħjar apparat modern imma aħna limitati bit-taħriġ u l-ħinijiet. Sabih li jkollok post fejn tittrenja fix ħin trid imma żgur li m’għandniex xi ngergru għax nittrenjaw f’post li tista’ tgħidlu ‘state of the art’!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Il-futur tiegħi jidher sabiħ u eċċitanti  fil-logħba tal-bowling. Għadni żghir u rrid inżomm saqajja mal-art, inkompli nibqa’ nittrenja ħafna biex dejjem inkompli nitjieb fil-logħba. Il-ħolma tiegħi hija dik li xi darba nikkompeti f’kompetizzjoni ta’ livell għoli u nikseb riżultati tajbin. Il-ħolma ta’ kulħadd hi li tilgħab ġewwa l- Amerika ma’ bowlers professjonali, imma l-iktar ħaġa importanti hi li tibqa’ leali lejn kulħadd u tirrispetta lil kulħadd!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-bowling.

Jekk qed taħseb li tilgħab il-bowling kif jgħidu bl-Ingliż, ‘just go for it’! Huwa vera sport ta’ pjaċir! Tibżax għax fil-bidu jkun naqra iebes. It-taħriġ jagħmlek tajjeb u importanti li tisma’ l-pariri mingħand kulħadd għax hija parti importanti mit-tagħlim tal-loghba.

Apparti hekk tiltaqa’ ma’ ħafna nies u tagħmel ħbieb ġodda, issiefer ġo ħafna pajjiżi u tiltaqa ma’ nies minn barra minn Malta li huma ħafna u għandhom għal qalbhom il-logħba tal-bowling. Jekk jirnexxielek tkun promettenti u tilbes il-flokk ta’ Malta, żgur li ma jiddispjaċik qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport