Tuesday, December 24, 2024

Delegazzjoni mil-Libja żżur Malta għal aktar kollaborazzjoni bejnietna għall-futur ta’ Libja ġdida

Aqra wkoll

Delegazzjoni żagħżugħa mil-Libja, Youth Dialogue Forum, għażlet li żżur Malta bħala l-ewwel post minn sensiela ta’ żjarat li beħsiebhom jagħmlu madwar id-dinja. Żjarat biex isemmgħu leħinhom bl-iskop aħħari li jtejbu r-relazzjonijiet tal-pajjiżi mal-Libja, għall-futur ta’ Libja ġdida. Waħda minn dawn iż-żjajjar kienet ġewwa l-General Workers’ Union li ltaqgħu mal-amministrazzjoni, il-fergħa taż-żgħażagħ u segretarju internazzjonali.  

Minn riċerka li għamlu l-Youth Dialogue Forum, forum b’aktar minn 10,000 membru li ilu mwaqqaf għal dawn l-aħħar 60 sena, dwar il-passat tagħhom il-Libjani magħna l-Maltin, skoprew ir-relazzjoni tajba li kien hemm bejn Malta u l-Libja. Relazzjoni soda li jixtiequ jerġgħu jibnu flimkien magħna. Dawn iż-żgħażagħ jixtiequ jingħaqdu f’ħidma konġunta mal-General Workers’ Union u l-Maltin bl-iskop li flimkien naħdmu biex ibiddlu pajjiżhom għal wieħed magħqud u modern. Filwaqt li jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex flimkien ngħinu l-pajjiż joħroġ mit-tradizzjonijiet antiki estremi li jxekklu u jaraw il-ħolma tagħhom li jkollhom Libja b’saħħitha u kuntenta, tixraq lil-Libjani, mingħajr il-bżonn li jaħarbu biex ifittxu ħajja aħjar band’oħra.

Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-forum irrikorra għand il-GWU għat-tfassil ta’ ħidma għal aktar kollaborazzjoni bejn il-Libja u Malta.

“Il-futur tad-dinja jinsab f’idejn iż-żgħażagħ u għalhekk intom għandkom fakulta li tifformulaw futur għal dinja aħjar. Aħna lesti li nappoġġjaw l-inizjattivi pożittivi tagħkom u naqsmu magħkom l-għarfien tagħna filwaqt li nwasslu l-messaġġ tagħkom. Nassigurawkom li fil-GWU se ssibu sieħeb għal dejjem għax nemmnuj f’poplu wieħed,” qal Josef Bugeja.

Kevin Camilleri, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li hu japprezza l-fatt li qed jara grupp żgħażagħ li qed jippruvaw jimbottaw lill-poplu Libjan biex joħroġ mit-tradizzjonijiet eċċessivi tagħhom li ma jagħmlilhom l-ebda ġid. Filwaqt li talabhom biex tinbeda kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat minnufih. 

Żied jgħid li hu jemmen li permezz tal-mezzi tagħna f’Malta, nistgħu nkunu ta’ siewi għal aktar kollaborazzjoni bejnietna, b’ħidma għall-istess skop aħħari, għaqda u pajjiż li jerġa’ jqum fuq saqajh.

Jason Deguara, Segretarju Internazzjonali tal-GWU qal li hekk kif diġa kienu saru laqgħat, li fihom kien involut, bejn Malta u l-Libja, huwa jħares ‘il quddiem għal tisħiħ ta’ din ir-relazzjoni li kienet bdiet. Huwa lest li jwassal il-vuċi tagħhom u s-sitwazzjoni tagħhom fil-Mediterran fid-diskussjonijiet li jkollu meta jirrappreżenta lill-GWU u lil pajjiżna fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-ġid tal-poplu Libjan.

Jurgen Azzopardi, is-Segretarju Taqsima Żgħażagħ tal-GWU esprima l-ammirazzjoni tiegħu għax-xogħol ta’ dan il-forum li qegħdin iwettqu u se jkomplu għall-imħabba ta’ pajjiżhom u nieshom. Filwaqt li bħala taqsima jinsabu b’idejhom miftuħin għal djalogu kontinwu magħhom.

Id-delegazzjoni Libjana esprimew il-ħsieb li għalkemm għandna kulturi u ideat differenti, xorta waħda nistgħu naħdmu flimkien u naqsmu l-informazzjoni bejnietna ħalli nitgħallmu mill-esperjenzi u l-kulturi ta’ xulxin għal aktar titjib fil-kollaborazzjoni ta’ bejnietna għall-ġid tal-ħaddiema u l-popli tagħna.

Ekonomija

Sport