F’laqgħa li kellha l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union flimkien mas-Segretarju tat-Taqsima Forzi ta’ Dixxipplina, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-liġi Theo Vella mar-rappreżentant tas-“southern group” tal-EUROMIL – European Organisation of Military Associations and Trade Unions George Zgardanas u delegazzjoni mill-Federazzjoni Griega għall-Armata, il-P.FE.AR.F.U., ġiet diskussa l-bidla kbira b’suċċess għall-korpi dixxiplinati f’Malta meta dawn ingħataw id-dritt li jistgħu jinagħqdu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom 10 snin ilu.
“Aħna nemmnu li kull ħaddiem għandu jkollu d-dritt li jingħaqad fi trejd unjin tal-għażla tiegħu. F’pajjiżna d-djalogu soċjali huwa b’saħħtu ħafna. Permezz ta’ attitudni pożittiva u proposti tajbin, dawn il-ħaddiema grazzi għall-ftehim kollettivi li jiġu negozjati qegħdin igawdu minn tibdil kbir fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kif ukoll is-salarji,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.
Huma spjegaw li l-federazzjoni P.FE.AR.F.U. li tagħmel parti mill-Organizzazzjoni Ewropea ta’ Assoċjazzjonijiet u Trade Unions Militari EUROMIL, għandha madwar 35,000 membru, madankollu filwaqt li tista’ tiddiskuti l-proposti tagħha mal-Gvern, ma tistax tinnegozja ftehim kollettivi.
“Għalhekk ħsibna li nibdew nagħmlu żjarat u nikkollaboraw kif ukoll ningħataw aktar għarfien dwar trejd unjins u l-andament tal-ħidma tagħhom. Nixtiequ li fil-futur ningħaqdu kollha f’daqqa biex ikollna aktar saħħa u ningħataw id-dritt li ninnegozjaw ftehim kollettivi wkoll. Hekk kif intom qrib tagħna, u nafu bis-suċċess li għamlet din it-trejd unjin fejn jidħlu korpi dixxiplinati, ħsibna li nibdew bl-ewwel żjara tagħna proprju hawn Malta,” qal George Zgardanas.
Is-Segretarju tat-Taqsima Theo Vella filwaqt li spjega s-suċċess li raw il-ħaddiema permezz ta’ sħubija fil-General Workers’ Union u kif isir in-negozjar, offra l-għajnuna tat-Taqsima fi ħdan il-GWU permezz ta’ kollaborazzjoni bejniethom tal-aħjar prattiċi għal aktar għarfien.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll rappreżentanti mill-kumitat tal-Forzi Armati ta’ Malta fi ħdan il-GWU.

