Delegazzjoni mill-Guardia di Finanza Taljana, immexxija mill-Ġeneral Antonio Quintavalle Cecere, matul il-ġimgħa li għaddiet żaret Malta għal sensiela ta’ laqgħat strateġiċi ma’ uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija Maltija.

L-għan ewlieni ta’ din iż-żjara kien li jissaħħaħ l-iskambju ta’ prattiċi tajbin u esperjenzi operattivi, b’mod partikolari f’oqsma relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll investigazzjonijiet dwar reati finanzjarji u kriminalità organizzata.
Bħala parti minn din l-inizjattiva ta’ koperazzjoni, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-abbozzar ta’ Memorandum of Understanding (MoU) bejn iż-żewġ korpi. Dan il-ftehim għandu l-għan li jissimplifika u jtejjeb il-proċeduri investigattivi konġunti u l-mekkaniżmi ta’ qsim ta’ informazzjoni, bil-ħsieb li titjieb l-effiċjenza operattiva u l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra netwerks kriminali kumplessi.
Dan l-MoU mistenni li se jservi wkoll bħala qafas għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ konġunt, li se jsaħħu aktar il-kapaċitajiet professjonali taż-żewġ entitajiet. B’dan il-mod, se jikkontribwixxi għat-tisħiħ kontinwu tar-relazzjoni fit-tul bejn il- Korp tal-Pulizija Maltija u l-Guardia di Finanza, filwaqt li jippromwovi l-infurzar tal-liġi kemm dak lokali u anke internazzjonali.