Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia indika li qed jikkunsidra vot ġdid ta’ fiduċja quddiem il-kunsill ġenerali. Huwa indika dan f’intervista ma’ The Times of Malta.
Fl-intervista hwa qal li jekk ma jirbaħx dan il-vot, allura kien se jwarrab. Madankollu f’każ li jirbaħ dan il-vot, id-deputati ribelli jkollhom jew jagħtuh l-appoġġ tagħhom, jew inkella jwarrbu.
Fl-intervista Delia qal li ma jkun jagħmel l-ebda sens li jirbaħ dan il-vot ta’ fiduċja u fl-istess waqt ikollu jiffaċċja numru ta’ deputati li jippersistu li ma jikkoperawx miegħu.
Delia se jkun qed jiżvela l-pjan tiegħu waqt kumitat eżekuttiv li huwa sejjaħ għal nhar il-Ħamis li ġej biex ikun jista’ jiddiskuti din il-proposta.
Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Kap Nazzjonalista tilef vot ta’ fiduċja fi ħdan il-kumitat eżekuttiv tal-PN.
Il-vot ittieħed wara li l-ġimgħa ta’ qabel huwa kien sfiduċjat f’vot sigriet mill-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti.
Fil-vot quddiem il-kumitat eżekuttiv, 47 membru tal-eżekuttiv ivvotaw kontra Delia, 35 ivvotaw favurih, filwaqt li persuna astjeniet f’dak li kien vot sigriet.