Sunday, July 13, 2025

Delia jgħid li ħassu tradut… Piccinino jsostni li bejn iż-żewġ kandidati hemm rispett reċiproku 

Aqra wkoll

Michael Piccinino, eks Segretarju tal-Partit Nazzjonalista u kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-PN, iddikjara ma’ It-Torċa li hemm rispett reċiproku bejn iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista – Adrian Delia u Alex Borg. Madanakollu riċentament Delia waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali, implika li ħassu tradut b’dak li għamel Borg.  Dan fil-kuntest tal-ftehim li Delia baqa’ jinsisti li kien hemm bejniethom. 

“Jidher ċar li bejn iż-żewġ kandidati hemm rispett reċiproku … healthy li jkun hemm kontestazzjoni”

Intant fl-istess intervista ma’ It-Torċa, l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino enfaszza fuq il-fatt li  jidher ċar, bejn iż-żewġ kandidati hemm rispett reċiproku u li skontu kulħadd qed jaħdem biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Qal li hu ma’ għandux dubju li la ħarġu it-tnejn li huma, jaħsbu li se jagħmlu biċċa xogħol aħjar. Irrimarka li jara dan kollu bħala x ħaġa  ‘healthy’ li jkun hemm kontestazzjoni bejn tnejn min-nies li għandhom ċertu saħħa. 

“Xorta naħseb li l-PN huwa f’pożizzjoni b’saħħtu … Bernard Grech ħa l-aħjar deċiżjoni fl-interess tal-partit”

F’intervista li kien ta f’ġurnal ieħor Piccinino nnifsu kien għadda kumment, fejn qal illi prattkament il-Partit Nazzjonalista jinsab fl-iktar pożizzjoni b’saħħitha. Dwar dan saqsejnih, hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu ħareġ l-aħħar survey, jekk għadux jaħsibha l-istess jew jaħsibiex forsi differenti minn dakinhar li saret l-intervista lil hawn.  Beda biex qalilna li dak li qal dakinhar, qalu abbażi ta’ dak li kien għadu qed jinbena fil-Partit u li fil-fehma tiegħu kull survey huwa l-istampa tal-mument. 

Qalilna wkoll; “Jien xorta naħseb li l-PN huwa f’pożizzjoni b’saħħitha u naħseb illi jilħaq min jilħaq Kap fil-ġimgħat jew xhur illi ġejjin, se jkun jista’ jkompli jibni fuq dak li sar ukoll fl-aħħar snin li kien hemm pedament b’saħħtu illi rajna wkoll riżultati li ġew b’saħħithom fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda. Tajjeb ngħidu illi s-surveys kollha li kienu qed juru dakinhar, inkluż fil-gazzetta it-Torca sitwazzjoni simili għal dak li kien hemm bħalissa. Iġifieri fil-verita meta r-riżultat ġie ta’ 8,000 distakk, it-Torċa kienet tgħid li se jkun hemm distakk ta’ 3,000”

Dwar l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, Piccinino qal li Grech ħa d-deċiżjonijiet tiegħu fl-aħjar interess tal-Partit u li kien dan kollu li skontu wassal il-Partit li jinsab fl-aħjar tiegħu minkejja id-diversi ċikustanzi.  Dwar il-PN, l-eks Segreterju Ġenerali qal li l-Partit Nazzjonalista  ġab l-aħjar riżultat li qatt seta’ jġib. Piccinino qal ukoll; “Komplejna wkoll insaħħu l-media tal-partit, fejn it-televiżjoni ġie wkoll l-aktar stazzjoni privat segwit mill-pajjż kollu. Kellna ħafna affarijiet li bihom komplejna mexxejna ‘il quddiem.  Però illum Bernard Grech ħass u għamel dak kollu li seta’ jagħmel u issa wasal il-mument li jkun hemm xi ħadd ieħor allura illi jkun jista’ jkomplii jmexxi l-Partit ‘il quddiem”

“Jekk tħares lura, naħseb illi f’dawn is-snin taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech għamilna pass ‘il quddiem ”

Waqt l-intervista għamilna referenza wkoll għad-dikjarazzjoni ċara tal-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Clyde Puli waqt fejn waqt il-programm ‘Il-Każin’ kien iddikjara hekk; “Hija irresponsabbiltà kbira li inti tirreżenja sena, sena u nofs, qabel l-elezzjoni… (Bernard Grech) messu rreżenja fl-2022, mhux illum. Imma la bqajt hemm, issa ibqa’ hemm u mhux terġa’ titfa lill-partit sena qabel f’elezzjoni” 

Dwar dan, Piccinino beda biex qal li fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu abbażi ta’ x’jaħseb li huwa għall-ġid tal-Partit u ovvjament tal-pajjiiż. Qal li ma’ għandux dubju li Clyde ħa dawk d-deċżjonijet ukoll skont x’ħaseb li huwa l-aħjar għal partit u għal pajjiż meta kien Segretarju Ġenerali, kif ukoll qabel meta kien Ministru. Qal li l-istess għamel hu meta imbagħad ħa l-kariga li qabel kellu Clyde. 

B’referenza għal Bernard Grech, Piccinino qal; “Ma għandiex dubju illi Bernard Grech bħal kull Kap ieħor illi kien hemm qablu, ħa d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-partit. Jekk Bernard Grech ħass illi l-partit jista’ jimxi ‘l quddiem aħjar jekk jagħmel dan il-pass, jien min jien biex ngħidlu mod ieħor. Jiena naħseb illi inti fl-aħħar mill-aħħar, kull persuna tagħmel il-kalkoli tagħha u tara x’inhu l-aħjar ħalli timxi ‘il quddiem. Bernard Grech hekk ħass, illi dan il-pass kien it-triq ‘il quddiem. Żgur illi jekk tħares lura, naħseb illi f’dawn is-snin taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech għamilna pass ‘il quddiem fihom”

“ Naħseb li Delia u Borg huma tnejn min-nies li għadhom kapaċitajiet biex imexxu l-partit” 

Saqsejnih ukoll l-opinjoni tiegħu dwar iż-żewġ kandidati illi llum nafu li se jkunu qegħdin jikkonestaw għal l-ogħla pożizzjoni fil-PN, Adran Delia u Alex Borg. Piccinino stqarrr illi jekk insaqsuh għal opinjoni fuq Delia u Borg, huwa ħadem magħhom i-tnejn meta kien Piccinino nnifsu kien laħaq Segretarju Ġenerali. Qal li lil Adrian kien jafu minn qabel għax diġa’ kien Kap u lil Alex primarjament sar jafu meta kien deputat fl-2022. 

Qalilna wkoll; “Jiena naħseb illi huma tnejn min-nies illi għandhom il-kapaċitajiet biex imexxu l-partit ‘il quddiem. Ovvjament għandhom il-karatteristika, li Adrian kien diġa’ kap u l-ieħor allura jista’ jġib xi ħaġa differenti. Jiena nħares ‘il quddiem biex nara d-diskussjoni bejniethom anke mat-tesserati. Jiena ltqajt magħhom it-tnejn u t-tnejn ressqu punti interessanti ‘il quddiem fejn jixtiequ jieħdu l-partit. Ovvjament bħalissa għaddejj il-proċess, jiġifieri aħna tajjeb li nispjegaw għal min qed isegwi.  Hemm proċess ta’ due-dilligance uffiċċjalment għall-kandidati għal elezzjoni tal-kap tal-partit. Issa fil-ġimgħat li ġejjin, jibda għaddej dan il-proċess. Imbagħad kemm qabel u kif ukoll wara se jispjegaw x’se joffru u fejn iridu jieħdu l-partit biex issir għażla”

Saqsejnih ukoll jekk għandu xi preferenza, ġaladarba Delia u Borg għandhom kuntest differentii u etajiet differenti wkoll. Saħaq li huwa għadu qed jitkellem maż-żewġ kandidati u qal li sa issa preferenza per-se għad ma għandux waħda li hi b’saħħitha. Qal li għal din ir-raġuni, irid ikompli jitkellem u jisma’ għax dik hija xi ħaġa li jħobb jagħmel, li jisma’ lil dak li jkun. 

Qal ukoll; “Kull fejn se jkunu speċjalment, min-naħa tiegħ, ħa mmur ħalli nisma u nitkellem u ovvjament ikun min ikun jien naħseb li karatteristika ta’ din l-elezzjoni hija illi ħafna nies huma lesti li jisimgħu, huma lesti li jiġu konvinti u naħseb iktar minn qatt qabel, in-nies lesti li jaħdmu ma’ dak li se jkun elett”.

“Mhux se nidħol fl-argument ta’ jekk għandhomx isiru dibattiti …”

Fil-jiem li għaddew l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin talab li l-PN idawwar ir-rotta fuq ir-regoli għall-midja. Staqsejna lil Piccinino dwar dan u jekk jaqbilx mal-pożizzjoni li ħa Delia meta qal li huwa favur id-dibattiti. Dwar id-dibattitu nnifsu, Piccinino qalilna li  hu mhux se jidħol fl-argument ta’ jekk għandhomx isiru dibattiti għax hemm kuntest. Enfasizza fuq il-fatt li;  “l-importanti li jkun hemm spazju fejn wieħed jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu u jiena infurmat ukoll li se jkollhom spazji t-tnejn li huma. Infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin, għandhom it-tnejn li huma, kemm Delia kif ukoll Borg, mal-15-il intervista mal-midja indipendenti, apparti li hemm ukoll il-ħin li se jkollhom biex jispjegaw ruħhom fuq il-midja tal-PN. Teknikament dawn sa issa ħadd minnhom mhu kandidat uffiċjalment.”

Staqsejnih mill-ġdid dwar il-pożizzjoni ta’ Delia u jekk iħossx li dan poġġa pressjoni fuq il-Partit. Huwa wieġeb: “L-ewwel ħaġa nemmen li l-IĠM tkellmet għax hija unjin tal-ġurnalisti. Allaħares il-ġurnalisti ma’ għandhomx dritt li jgħidu, anke jekk ma tkunx qed taqbel.  X’qed ngħidu allura? li kandidat hu min hu ta’… dan ma jistax  jesprimi ruħu fuq xi ħaġa? Aħna fil-PN jekk xi ħadd għandu opinjoni jgħidha, anke jekk ma jkunx qiegħed jaqbel. Ovvjament imbagħad fl-aħħar mill-aħħar l-importanti huwa illi qed jiddibattu u jiddiskutu r-regoli. Ma għandiex dubju li finalment se jkomplu jimxu magħhom. Pero li jkun hemm diskussjoni hija importanti. Allaħares qegħdin f’partit fejn ma hemmx nies li għandhom opinjonijiet differenti”

“Kemm Alex u kif ukoll Delia huma kapaċi li jġibu l-partit flimkien”

Dwar posts li tella fuq il-midja soċjali il-kunjatu ta’ Delia, Piccinino qal li fl-aħħar mill-aħħar dak huwa persuna li għandu dritt  għal opinjoni bħal kull individwu ieħor u li  ma għandux dubju li bil-kitbiet tiegħu huwa persuna li għandu ċertu opinjonijiet b’saħħithom ħafna. 

Fl-intervista ssemma’ wkoll is-suġġett tal-korruzzjoni, fejn ingħad li l-korruzzjoni qatt ma tista’ trebbħek elezzjoni. Dwar dan, Piccinino qal  li huwa ma joqgħodx iqabbel mas-snin passati għaliex kull elezzjoni għandha n-narrattiva, l-istorja u ċirkostanzi differenti.

Għal mistoqsija dwar jekk jitla’ min jitla’ bħala Kap tal-PN jekk għandux ħin biżżejjed biex jasal fil-kuntest tal-isfidi, Piccinino sostna  illi huwa ma għandux dubju illi l-Kap ikun min ikun, kemm Alex jew Adrian, it-tnejn huma kapaċi li jġibu l-partit flimkien. Huwa sostna wkoll li jitkellem ma’ deputati u nies li lkoll qed iħarsu ‘l quddiem li jkun min ikun il-mexxej miż-żewġ kandidati, lesti li jaħdmu miegħu ħalli jaslu għat-tagward u għal l-elezzjoni ġenerali 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport