Friday, June 27, 2025

Delia jiċħad li se jirtira l-interess fit-tellieqa għall-Kap tal-PN 

Aqra wkoll

Id-Deputat Nazzjonalista Dr Adrian Delia ċaħad kull xniegħa li qed tiċċirkola bħalissa li huwa se jirtira l-interess tiegħu mit-tiġrija għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Huwa saħansitra stqarr li ċertament la ħaseb li jirtira u lanqas esprima ruħu li se jagħmel hekk, għaldaqstant saħaq li m’hemm l-ebda verità f’dawn ix-xnigħat. 

F’kumment li ta lil L-Orizzont dwar l-interess tiegħu li jikkontesta għall-Kap tal-PN, Dr Delia qal ukoll li għalissa ma jistax jikkummenta fuq jekk it-tiġrija hux se tkun bejn il-ħbieb billi jrid jara min se jkunu l-kandidati kollha. 

Filwaqt li spjega ma’ dan il-ġurnal kif jaħdem il-proċess elettorali għall-ħatra ta’ Kap tal-PN, Dr Delia qal li hemm Kummissjoni Elettorali li teknikament toħroġ ir-regoli ġodda għal min ikun kandidat. F’dan il-mument, il-proċess għadu fl-istadju ta’ espressjoni ta’ interess imma xorta jkun ta direzzjoni.

“Għall-mument jien urejt li jien interessat, baqa’ ftit jiem, naraw min ikun hemm imbagħad nibda nitkellem b’mod aktar artikolat minn hemm ‘il quddiem,” tenna Dr Delia. 

Sadanittant, il-Kummissjoni Elettorali rċeviet id-dikjarazzjoni ta’ interess mid-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Dr Alex Borg nhar l-Erbgħa li għadda. Ġe rrapportat fil-midja li Borg qal li t-tiġrija kontra Delia għall-ħatra ta’ Kap se tkun waħda bejn il-ħbieb. 

“Din se tkun ġirja bejn il-ħbieb u nemmen li se tkun ġirja sabiħa illi min-naħa tiegħi żgur li mhux se jkun hemm negattività, anzi, se nagħmel kampanja pożittiva u nemmen li anke l-kollega Adrian, li huwa ħabib tiegħi, illi minnha l-PN se jkollu kampanja sabiħa, li minnha joħroġ il-frott,” tenna Dr Borg. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport