Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia m’għandu l-ebda objezzjoni biex il-kandidat rival tiegħu għat-tmexxija tal-PN, Bernard Grech, jingħata spazju fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista qabel ma jkun ġie fi tmiemu il-proċess ta’ due diligence. Delia qal dan f’ittra indirizzata lill-kummissjoni elettorali tal-Partit.
Fl-itrra, li huwa ppubblika fuq il-midja soċjali, Delia saħaq li kien irċieva talba mingħand Grech biex jingħata spazju fuq il-midja tal-PN. Delia qal li minkejja li l-kunsill amministrattiv iddeċieda li l-ispazju tal-midja se jkun allokat meta jiġi fi tmiemu l-proċess ta’ due diligence u għaldaqstant jiġu ddikjarati b’mod formali l-kandidati għall-elezzjoni għat-tmexxija tal-partit, huwa m’għandu l-ebda objezzjoni biex l-ispazju jiġi pprovdut aktar qabel.
Delia talab ukoll lill-Kummissjoni Elettorali tal-PN biex ladarba l-kandidati jitħabbru uffiċjalment tingħata l-opportunità biex ikun hemm dibattiti bejn il-kandidati fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista biex it-tesserati jingħataw l-opportunità jifhmu aħjar il-viżjoni u l-ħsibijiet tal-kandidati.