L-insistenza ta’ Adrian Delia li jibqa’ l-Kap tal-PN minkejja li kien sfiduċjat minn 19-il mit-30 membru tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ġabet magħha reazjonijiet opposti mill-kamp li huwa favurih u dak kontra.
Waqt li dawk li huma kontrih qed iħeġġuh jirrispetta dan il-vot u jitlaq mill-kariga, dawk ta’ favurih qed jappellawlu biex jirrispetta l-għażla tat-tesserati u jibqa’ b’uħud saħansitra qed iħeġġuh ikeċċi lil dawk li irribellaw kontrih.
Minkejja rapporti li l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti kienu għażlu lil Therese Comodini Cachia ħadd mid-deputati li sfiduċjawh ma ħarġu fil-beraħ jgħid li din kienet l-għażla tagħhom.
Dan wassal biex anke bdiet tiċċirkola xniegħa li wħud mid-deputati li sfiduċjawh kien qed jerġa’ jibdilhom għax għamlu peress li ħasbu li se jilħaq Kap tal-Oppożizzjoni ħaddieħor.
Fost dawk li ssemmew li setgħu jkunu l-persuna magħżulha mir-“ribelli” kien hemm Claudio Grech u Chris Said imma dawn ma jidhirx li huma interessati li jieħdu f’idejhom l-irwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid li jekk il-maġġoranza tad-deputati tal-Oppożizzjoni jitilfu l-fiduċja fil-kap u jkun hemm deputat ieħor, jew deptuta, li jkollu, jew ikollha, il-fiduċja tagħha l-President huwa obbligat li jagħmel lilu, jew lilha, kap.
Għalkemm mhux magħruf x’intqal kemm fil-laqgħa li l-President George Vella kellu ma’ Chris Said u Claudette Buttigieg l-ewwel u ma’ Delia wara l-Kap tal-PN ħareġ jgħid li huwa kien għadu l-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni.
Matul il-jum tal-Ġimgħa l-President kien rappurtat li kompla jiltaqa’ mad-deputati li sfiduċjaw lil Delia biex jikkonferma li verament hemm maġġoranza tagħhom.
Minbarra Comodini Cachia, Said u Buttigieg id-deputati kontra Delia jinkludu wkoll Claudio Grech, Jason Azzopardi, David Thake, Karl Gouder, Kevin Cutajar, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, Ivan J. Bartolo, Mario de Marco, Ivan Bartolo, Ryan Callus, Kristy Debono, Hermann Schiavone kif ukoll iż-żewġ ewroparlamentari Roberta Metsola u David Casa.
Dawk favur Delia huma David Agius, Edwin Vassallo, Maria Deguara, Robert Arrigo, Clyde Puli, Anthony Bezzina, Robert Cutajar, Frederick Azzopardi, Mario Galea u Carmelo Mifsud Bonnici.
Delia jwissi b’azzjonijiet, Arrigo jgħidilhom jirriżenjaw
F’messaġġ li għadda kemm minn fuq il-media tal-PN kif ukoll fuq il-mezzi soċjali, Delia għadda diversi botta lill-fazzjoni li ma tridux bi frażijiet bħal “il-modi antiki ġġieldu lura” u “żviluppi li ġabu b’idejhom ċertu individwi”.
Mill-botti għadda għat-twissijiet fejn għamilha ċara li “se jittieħdu azzjonijiet fil-ħin opportun u fi ħdan l-istrutturi tal-partit” u li se jibqa’ miftuħ għal dawk kollha ta’ dan il-grupp li “għalissa” għadhom parti mill-PN.
Dan id-diskors ta x’jifhem li l-PN seta jipprova jkeċċi lir-“ribelli” u kien imsaħħaħ mid-dikjarazzjoni tal-Viċi-Kap tal-PN Robert Arrigo, wieħed mill-11 li ivvota favur Delia, meta qal li dawk li jridu jagħmlu lil xi ħadd ieħor Kap tal-Oppożizzjoni għandhom jirriżenjaw minn deputati tal-PN, jiffurmaw grupp ieħor u dan jista’ jkun l-ikbar wieħed u għalhekk jagħżel hu l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dwar jekk dan ifissirx li se jkun hemm firda fil-PN huwa wieġeb li dan jiddependi mill-membri parlamentari li iffirmaw u huma responsabbli ta’ kull azzjoni li jieħdu u tal-konsegwenza.
Huwa għaddilhom botta meta qal li fit-tliet snin li ilu Viċi-Kap “ħlief problemi ma kienx hawn” u żvela kif ġieli kellhom jikkanċellaw anke maratoni ta’ ġbir ta’ fondi minħabba ċertu manuvri.
Waqt li qal li ma kienx ivvota favur Delia fl-għażla tal-kap irrispetta d-deċiżjoni tat-tesserati, Arrigo żied li ma tagħmilx sens li min ivvota kontra Delia jibqa’ fil-partit.
Anke d-deputat Edwin Vassallo, wieħed mill-11 li ivvutaw kontra l-isfiduċja ta’ Delia, ħareġ jgħid li għalkemm ma jridx li xi deputat tal-PN jirriżenja wissa li jekk il-proċess li nbeda jibqa’ sejjer ir-riżenja tad-deputati li huma kontrih biex isiru indipendenti hija inevitabbli.
“Jien dejjem nibqa’ nemmen fir-rikonċiljazzjoni. L-għaqda tibqa’ dejjem meħtieġa iżda kull deċiżjoni għandha prezzha”, huwa żied jgħid.
Franco Debono … “kemm għajjartuni meta ħadtha kontra l-kap”
L-Avukat Franco Debono kompla jikkummenta dwar is-sitwazzjoni fil-PN kif għamel fl-aħħar jiem fejn qal li kien se jaqla’ xi ħaġa mill-istonku.
“Ħa ngħidha għax ilha jumejn fuq l-istonku. Kemm għajjartuni meta ħadtha kontra l-kap ta’ dak iż-żmien (Lawrence Gonzi) meta kien tilef l-elezzjoni tal-MEPs b’35,000 ukoll l-istess bħal issa”.
B’ton ironiku huwa sostna li d-destin huwa kbir u kellhom jgħaddu mill-istess ħaġa u jisimgħu lin-nies jgħajjruhom tradituri.
Debono żied li d-deputati li ivvutaw kontra Delia jista’ jkun li daħlu fi sqaq għax jekk il-President jinterpreta l-Kostituzzjoni bħala li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ikun ukoll il-Kap tal-PN mela l-vot ta’ sfiduċja ma jiswa xejn.
L-Avukat u Perit Robert Musumeci irrefera għad-diskors ta’ Delia wara l-laqgħa li kellu mal-President u waqt li iddikjara li huwa jagħmel parti mill-moviment ta’ Joseph Muscat, illum ta’ Robert Abela, sostna li bħala Malti ħalef li jiġġieled dak li sejjaħ l-oppressjoni elitista.
“Din m’għadhix kwistjoni ta’ Labour u PN. Din hi ġlieda kontra l-‘establishment u l-‘holier than thou’”, żied jgħid waqt li tenna li dawk id-depuati li jrid Kap tal-Oppożizzjoni li mhux Kap tal-PN għandhom jitilqu lil hemm u b’hekk Delia jkun jista’ jibqa’ kap tat-tnejn.
Borg Cardona … “biżżejjed tara n-nies li jappoġġjaw lil Delia”
L-Avukat u opinjonista magħruf kontra Delia, Andrew Borg Cardona, qal li jekk hemm raġuni għala dan għandu jitla hija r-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fejn il-poplu ivvota kontrih.
“Delia, m’intix denju li tkun Kap tal-Oppożizzjoni. Itlaq!”, huwa irrimarka waqt li anke għadda botta lejn dawk li jappoġġjawh fejn qal li dawn huma raġuni oħra biżżejjed għala għadna nneħħuh.
Huwa ikkritika wkoll lil dawk li qed jgħidu li tajjeb li Comodini Cachia tilħaq għax il-PN għandu bżonn mara biex tmexxih u saħaq li l-ħabiba tiegħu Therese hija tajba għax hija tajba u mhux għax mara.
L-awditur Godfrey Leone Ganado, ieħor mill-grupp ta’ nies kontra Delia, iddeskriva lid-19-il deputat li sfiduċjawh bħala eroj u sostna li għandhom ikunu kburin li salvaw partit li tqatta’ biċċiet minn Delia u minn dawk li, fi kliemu, ġew attirati mill-“bews u t-tgħanniq falz” tiegħu.
Huwa qal lil dawn id-19 li jaf li huma qed jiġu pressati minn madwar 7,000 tesserat li eleġġew lil Delia b’manuvri minn wara l-kwinti u qalilhom li hemm aktar minn 100,000 li qed jistennew ‘mass meeting’ imsejjaħ minnhom.
Profs. Andrew Azzopardi … “riżultat ta’ politika tribali”
Il-Professur Andrew Azzopardi irrimarka li jinsab dispjaċut jara l-politika titkisser u attribwixxa dan għal riżultat tal-politika tribali u sistema ibbażata fuq in-nepotiżmu u l-egos.
Huwa sostna li l-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni fejn għandu Oppożizzjoni konfuża u Gvern li qed jipprova jikseb lura l-kredibilita minħabba l-aġir ta’ eks-ministri.
Akkademiku ieħor li tkellem kien Dr Simon Mercieca li irrimarka kif id-deputati ribelli daħlu fi sqaq għax biex ineħħu lil Delia jridu jiftehmu mad-deputati Laburisti u Konrad Mizzi biex jibdlu Artiklu 90 tal-Kostituzzjoni u dan imur kontra l-loġika.
Fl-istess waqt qal li bl-għażla ta’ Comodini Cachia Delia għamel rebħa kbira u f’kumment ieħor semma kif Comodini Cahci għadha kif ivvutat għal statut li jagħti aktar porteri lill-kap tal-partit.