Fid-diskors tiegħu fil-parlament, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kompla biex jisħaq dwar is-sentenza tal-Qorti fil-konċessjoni tal-Isptarijiet.
Filwaqt li kompla biex jitkellem dwar traġitt ta’ ħames snin li fih Delia kellu jidher fil-qorti biex issa ma nstabx biss li kien hemm ksur ta’ kundizzjonijiet, li l-investiment li kellu jsir ma sarx, iżda sabet ukoll li kien hemm aġir frawdolenti.
Delia qal li baqa’ istituzzjoni li għadha taħdem f’pajjiżna u li l-qrati tal-ġustizzja ta’ pajjiżna baqgħu bastun tal-ġustizzja fejn persuna tista’ tirrikorri biex tieħu ġustizzja. Delia qal li s-sentenza kixfet il-qerq fil-konfront tal-poplu Malti.
Huwa kompla biex jattakka lill-gvern u qal li wara sentenza bħal din, ħareġ erba’ linji jgħid li se jkun qiegħed janalizza l-istess sentenza
L-eks Kap Nazzjonalista saħaq li jekk il-gvern baqagħlu leġittimità biex jagħmel xi ħaġa, xogħlu hu li jġib lura t-300 miljun għax l-Oppożizzjoni ġabet lura l-Isptarijiet u issa jmiss lilu li jagħmel xogħlu.
Delia saħaq li l-Kummissarju ma għamel xejn minkejja li hemm tliet istanzi ta’ frawdolenza msemmija mill-Qorti u li l-ebda persuna mhi qiegħda tiġi investigata.
Huwa għalaq jisħaq li għalkemm hemm sentenza li tgħid ċar u tond il-ġudizzju tagħha, jkun kollu ta’ xejn jekk ma jkunx hemm min jerfa’ r-responsabbiltà.