Sunday, November 24, 2024

Dembska kienet se ġġedded b’ġimagħtejn iż-żmien tagħha f’pajjiżna

Aqra wkoll

Żewġ tfajliet li xtaqu jibqgħu anonimi qalu lill-Pulizija li Abner Aquilina, li jinsab mixli bil-qtil u l-istupru ta’ Paulina Dembska f’Jannar ta’ din is-sena, allegatament kien jibgħatilhom messaġġi ta’ intimidazzjoni fuq Instagram.

Dan ħareġ mix-xhieda tas-Surġent Malcolm Pace mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidju meta dalgħodu ssoktat il-kumpilazzjoni kontra Aquilina ta’ 21 sena. Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuna kontra tiegħu.

Is-Surġent Pace ppreżenta fil-Qorti numru ta’ ritratti li huwa ħa f’Tas-Sliema, fejn instabet il-katavru tal-vittma, u anke tal-hostel fejn hija kienet toqgħod. Mill-istħarriġ li għamel, sab li l-vittma kienet għamlet estensjoni biex tibqa’ toqgħod fil-hostel sal-15 ta’ Jannar u fil-fatt dakinhar tal-qtil tagħha kellha tħallas għall-kumplament tal-estensjoni.

Ix-xhud qal ukoll li fil-kamra ma’ Dembska kienu joqogħd tliet ġuvintur, mir-Renju Unit, mill-Ġermanja u mill-Belġju. Il-Belġjan qal lill-Pulizija li kien ra lill-vittma l-aħħar fl-1 ta’ Jannar, fit-8.00 p.m., wara li ħarġet mill-kamra tagħha.

Waqt li kienu fil-kamra, x-xhud ġie muri s-sodda tal-vittma u l-affarijiet personali tagħha u ħa ritratti bil-mobile. Huwa kien ingħata struzzjonijiet biex ma jintmess xejn u l-irġiel li kienu jgħixu mal-vittma kienu mitluba jmorru d-Depot biex jagħtu x-xhieda tagħhom.

Sadanittant, id-duty receptionist kien qal lix-xhud li matul il-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Jannar sema’ xi storbju għall-ħabta tas-2.00 a.m. u niżel fic-chill room. Qal li Demsbka kienet fil-kumpanija ta’ Kolumbjan u kellhom flixkun tal-alkoħol quddiemhom u bdew jixorbu. Id-duty receptionist talab lill-ġuvni biex joħroġ peress li hemm policy li persuni li ma jkunux alloġġati fil-‘hostel’ ma jistgħux joqogħdu hemm.

Dawn kienu ħaġu mill-hostel għall-hostel tas-2.30 a.m. u dawn ma dehrux aktar sakemm spiċċa n-night shift tiegħu.

Il-każ ikompli.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Shawn Pawney, Jonathan Ransley u Wayne Camilleri megħjuna mill-Avukati Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġeneali. L-Avukat Mario Mifsud qed jidher għal Aquilina mentri l-Avukat Stefano Filletti qed jidher parte civile.

Sport