Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni mexxiet operazzjoni ta’ ritorn lejn is-Sirja ta’ raġel li kien wettaq omiċidju fil-limiti ta’ Selmun, il-Mellieħa, fl-2007. Ir-raġel, li llum għandu 43 sena, kien skonta sentenza effettiva ta’ ħabs wara li fl-2010 ammetta l-ħtija għal qtil ta’ raġel ieħor u li kkawża ħsarat estensivi fuq il-vettura tal-vittma. L-individwu kien ilu Malta mill-2003.
Wara li skonta s-sentenza ta’ ħabs, ir-raġel baqa’ miżmum f’ċentru ta’ detenzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi ta’ Detenzjoni waqt li tlestew il-proċeduri relatati mad-deportazzjoni tiegħu mill-pajjiż. Dan sar possibbli wara li l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ċaħdet żewġ talbiet għall-protezzjoni internazzjonali li kien għamel ir-raġel.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri enfasizza li d-deportazzjoni ta’ individwi li jkunu wettqu reati gravi u vjolenti bħal dawn hija kwistjoni ta’ interess pubbliku. “Is-soċjetà tagħna għandha interess li tiżgura li kriminali li huma ta’ theddida għall-paċi u s-sigurtà tal-komunitajiet tagħna jitneħħew mill-pajjiż ladarba jkunu ħallsu d-dejn tagħhom mal-ġustizzja u skontaw is-sentenza ta’ ħabs tagħhom.”
“Il-messaġġ tal-lum huwa ċar: hemm konsegwenzi ċari għal persuni barranin li jwettqu reati f’Malta. Din l-azzjoni ssaħħaħ il-politika tagħna li persuni barranin li jabbużaw mil-liġijiet tagħna u jwettqu reati serji jitilfu d-dritt li jibqgħu f’Malta u jiġu deportati,” stqarr il-Ministru Camilleri.
Il-Ministeru jibqa’ impenjat lejn sistema ġusta li tgħin lil dawk li verament għandhom bżonn, filwaqt li jkompli jinforza b’mod rigoruż l-ordnijiet ta’ deportazzjoni ta’ individwi li jheddu s-sigurtà tal-poplu Malti jew li m’għandhomx id-dritt legali li jibqgħu f’pajjiżna.



