Sunday, October 27, 2024

Deputat tal-PN jiċħad kull involviment ma’ Yorgen Fenech u jikkonferma li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kuntatt tal-allegat mandant fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma’ deputati tal-partiti l-kbar kompla jixħet numru ta’ mistoqsijiet fuq fomm l-elettorat. Fost dawk implikati b’relazzjoni ma’ Yorgen Fenech hemm id-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone.

Id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone kien issospenda lilu nnifsu mill-grupp parlamentari Nazzjonalista lura f’April tal-2019. Dan wara rapport f’ġurnal lokali li kien jimplika li Schiavone flimkien mal-kollega tiegħu Kirsty Debono ltaqgħu ma’ Fenech. F’ittra lill-Kap Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, Adrian Delia, Schiavone qal li minkejja li jħoss li m’għamel xejn ħażin, ħass li kellu jissospendi lilu nnifsu mill-grupp parlamentari u talab ukoll lill-Partit jaħtar bord biex jinvestiga l-aġir tiegħu.

Xi xhur wara l-partit iddeċieda li Schiavone jerġa jidħol fil-Grupp Parlamentari tal-PN għax skonthom ma kien għamel xejn ħażin. Din id-deċiżjoni kienet wasslet għar-riżenja ta’ Norman Vella li ma’ din id-deċiżjoni għażel li jirreżenja fuq punt ta’ “rġulija”.

Talk.mt għamel kuntatt mad-Deputat Nazzjonalista biex jistaqsi xi mistoqsijiet bi Schiavone jitlob li d-domandi jintbagħtulu bil-posta elettronika. Kif wiegħed Schiavone wieġeb f’ħin qasir għad-domandi ta’ dan is-sit u ċaħad dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Fenech.

Schiavone ċaħad li fl-2019 kien talab lid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar biex tgħaddi n-numru tiegħu lil Yorgen Fenech sabiex jikkuntattjah. Ċaħad ukoll li l-istess Fenech kien filfatt għamel kuntatt miegħu.

Meta mistoqsi jekk kienx staqsa lil Fenech jekk ċerta persuna kinitx għada taħdem miegħu u dab għaliex l-istess persuna skontu kellha xi seduta tal-MEPA f’dak iż-żmien huwa ċaħad ukoll u qal li għalih din hija teorija ġdida u sostna li “Assolutament mhux minnu” li għamel hekk. Meta mistoqsi dwar x’wasslu biex jinteressa ruħu f’seduta tal-MEPA ta’ persuna bilkemm jafha, id-Deputat Nazzjonalista qal li m’għandux idea dwar min u dwar xiex qed jiġi mistoqsi. Rigward il-konnessjoni tiegħu mal-MEPA fil-bidu tal-2019, Schiavone qal li ma kellu l-ebda konnessjoni u li dak iż-żmien kien kelliem tal-Oppożizzjoni għas-settur tal-Catering.

Biex isaħħaħ l-argument tiegħu Schiavone temm jinnota li “ħadd daqsi” ma jixtieq u għandu interess li c-chats ta’ Yorgen Fenech ikunu ppubblikati fl-intier tagħhom u dan sabiex “inkun eżonorat mill-akkużi inġusti li saru fil-konfront tiegħi”.

Rigward jekk huwiex se jikkontesta l-elezzjoni Ġenerali li jmiss mal-Partit Nazzjonalista, Schiavone kkonferma ma’ Talk.mt li fl-aħħar jiem flimkien ma’ sħabu d-Deputati u Kandidati attenda għal teħid ta’ ritratti li se jintużaw mill-partit matul il-kampanja. Huwa temm jirrimarka li fl-aħħar xhur kien inattiv minħabba intervent mediku li għamel u spjega li wieħed jista’ jifhem li kien jeħtieġ perjodu biex jirkupra saħħtu u jkun jista’ jkompli fejn ħalla qabel.

Sport