Tuesday, December 24, 2024

Destin “inġust” għal trabi li jitwieldu bl-HIV

Fl-2020 ta’ kuljum 330 tifel u tifla mietu b’mard ikkawżat mill-AIDS

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-UNICEF ħabbret li fl-2020 minn madwar 38 miljun persuna li jgħixu bl-HIV, 2.78 miljun minnhom kienu tfal fl-etajiet ta’ bejn it-twelid sa 19-il sena. Fl-istess sena, ta’ kuljum, kien hemm madwar 850 tifel u tifla ġew infettati b’dan il-virus u 330 mietu b’mard ikkawżat mill-AIDS. L-akbar kawża li wasslet għal dawn il-fatalitajiet f’etajiet daqstant żgħar hija dik  ta’ nuqqas ta’ aċċess xieraq għall-prevenzjoni tal-HIV, kura u servizzi ta’ trattamenti.

Wieħed mill-aktar pajjiżi dgħajfa fis-settur mediku u l-aċċess għalih miċ-ċittadini huwa n-Niġerja fejn it-trasmissjoni tal-HIV mill-omm għat-tarbija hija l-akbar kawża ta’ mwiet fost it-tfal tat-twelid. 

Filwaqt li f’pajjiżi żviluppati bħalma huma l-Istati Uniti u l-Ewropa, l-inċidenza ta’ infezzjoni bl-HIV isseħħ, il-konsegwenzi huma ferm inqas serji grazzi għal faċilitajiet aħjar u servizzi li jgħinu biex il-virus ma jgħaddix fit-tqala jew trasmess wara. Barra minhekk jekk fil-pajjiżi żviluppat tarbija titwieled bl-HIV, lil din jingħatawlha trattamenti effettivi li jgħinu biex ikollha ħajja pjuttost normali, sana u twila. 

Minn mindu faqgħet din l-epidemija, il-qasam tar-riċerka medika għamel avvanzi kbar bi trattamenti, mediċini u kampanji ta’ għarfien għall-prevenzjoni. Sfortunatament, minkejja li hemm modi li jgħinu lil dawk infettaati b’din il-marda, hemm persuni li ma jgawdux minnhom minħabba faqar u limitazzjonijiet soċjo-politiċi oħra.

90% tat-tfal pożittivi għall-virus ħaduh minn ommhom…

Fil-każ tan-Niġerja, l-esperta Dott. Atana Ewa, qalet li l-HIV għadu l-kawża prinċipali li twassal għal rata għolja ta’ mwiet fost it-tfal fin-Niġerja. Din it-tabiba twissi li fl-Afrika, l-aktar faxxxa ta’ età f’riskju ta’ trasmissjoni tal-marda mill-omm għall-wild hija dik fost in-nisa tqal li jkollhom bejn il-35 u l-45 sena.

Atana, Professur fuq mard infettiv u fuq mard respiratorju tal-pedjatrija fl-isptar universitarju f’Calabar, kellha intervista ma’ “Newslodge” fejn qalet li aktar minn 90% tat-tfal pożittivi għall-virus ħaduh minn ommhom. It-trasmissjoni sseħħ jew tul it-tqala, jew waqt it-twelid jew inkella wara l-ħlas.

Filwaqt li appellat lill-ommijiet biex ifittxu l-għajnuna ta’ professjonisti u jagħmlu t-testijiet meħtieġa ħalli jevitaw li jinfettaw lil uliedhom, Atana qalet li l-HIV jista’ jippersisti fit-tfal sa 15-il xahar qabel ma jibdew joħorġu s-sintomi.

Ir-rata preżenti ta’ trasmissjoni ta’ HIV mill-omm għat-tarbija f’dan il-pajjiż hija ta’ 15%. Din l-esperta qalet li minn 143,000 nisa tqal li sarilhom it-test għall-HIV, 7,076 minnhom irriżultaw pożittivi. Mistoqsija jekk huwiex possibbli li tfal djanjostikati bl-HIV jingħataw it-tilqim li jingħata normalment lit-tfal, hija qalet li, “jekk it-tfal ma jkollhomx sintomi, dawn għandhom jingħataw it-tilqim kollu skont il-programm nazzjonali għall-prevenzjoni tal-mard”.

“Aktar minn 90% tat-tfal pożittivi għall-virus ħaduh minn ommhom… it-trasmissjoni sseħħ jew tul it-tqala, jew waqt it-twelid jew inkella wara l-ħlas”

Minkejja dan, it-tabiba wissiet biex l-ommijiet iżommu għajnejhom miftuħin u dan minħabba li s-sintomi ta’ infezzjoni tal-HIV fit-tfal huma simili ta’ dawk ta’ mard “normali” fit-tfulija. Hija qalet li biex ikun possibbli li jidentifikaw l-HIV fit-tfal, ikun hemm bżonn ta’ suspetti qawwija li dawn huma effettivament morda bil-virus.

“Xi drabi, tarbija taqbadha infezzjoni fil-kanali tal-widnejn u xi ġimgħa jew xahar wara jerġa’ jaqbadhom l-istess uġigħ. Ġieli dan ikun każ ta’ pnewmonja jew sogħla imma meta nissuppettaw li huwa każ ta’ HIV aħna nirrakkomandaw li jsiru t-testijiet apposta,” spjegat din l-esperta.

Is-sintomi u s-sinjali ta’ infezzjoni bl-HIV fit-tfulija huma ġeneralment simili għal dawk ta’ mard ieħor tropikali iżda jistgħu jkunu aktar serji u ta’ spiss. Dott. Ewa qalet li l-ewwel sintomi jinkludu deni persistenti, diarrhea, nuqqas ta’ żvilupp fiżiku, sogħla u problemi fil-limfomi. 

F’dan ir-rigward l-esperta lmentat li fin-Niġerja 24% biss tan-nisa tqal għandhom aċċess għall-kura fit-tqala u din hija r-raġuni għala r-rata ta’ trasmissjoni tal-HIV mill-omm għat-tarbija għadha daqstant persistenti f’dan il-pajjiż.

X’inhi l-HIV u minn fejn oriġinat?

Il-Human Immunodeficiency Virus (HIV) huwa virus li jattakka s-sistema immunitarja tal-ġisem u jekk persuna infettata bih ma tingħatax trattament, tista’ timrad bl-AIDS – l-Acquired Immonodeficiency Syndrome. L-edukazzjoni, imqar fuq livell bażiku, dwar kif jinxtered l-HIV u l-perikli tiegħu jgħinu fil-prevenzjoni, li hija dejjem l-aħjar tarka biex imxija ma’ tkomplix tinfirex u tiżdied fost il-popolazzjonijiet.

L-AIDS tirriżulta fatali minħabba li l-immunità tal-ġisem tant tonqos li l-pazjenti ma jkunux jistgħu jiġġieldu mard ieħor li jattakkahom faċilment u b’mod aktar aħrax minn dawk li m’għandhomx l-immunità tagħhom baxxa.

Ix-xjenzati jemmnu li oriġinarjament dan il-virus beda mix-xadini tar-razza chimpanzees fl-Afrika fis-snin 20-30. Huwa maħsub li l-bniedem ġie infettat mix-xadini minħabba kuntatt ta’ demm waqt il-kaċċa. Tul is-snin dan il-virus inxtered mal-Afrika u f’partijiet oħra tad-dinja u għadu l-aktar epidemija mifruxa fid-dinja sal-ġurnata tal-lum. Kura għalih m’hemmx iżda jeżistu trattamenti.

HIV, AIDS, Covid-19 u faqar

Mill-informazzjoni maħruġa mill-UNICEF, f’din is-sena kien hemm madwar 15.4 miljun tifel u tifla taħt it-18-il sena li tilfu ġenitur jew liż-żewġ ġenituri b’mard relatat mal-AIDS. Miljuni ta’ nies, inklużi tfal, huma affettwati b’mod negattiv ħafna minn din l-epidemija. 

Fost l-isfidi hemm: riskju ta’ faqar; ħruġ qabel iż-żmien mill-iskola; diskriminazzjoni; u nuqqas ta’ opportunitajiet għall-individwi milquta. Issa, skont riżultati minn studji riċenti, ir-riskji żdiedu konsiderevolment minħabba l-pandemija preżenti tal-Covid-19.

L-isfidi u s-sofferenzi tat-tfal infettati bl-HIV jew li għandhom lill-ġenituri morda bih jinkludu mard fit-tul u mwiet. Il-UNICEF ħarġet kalkoli ta’ stima li juri li madwar 680,000 persuna li mietu b’mard relatat mal-AIDS fl-2020, 120,000 (madwar 18%) kienu tfal u adoloxxenti taħt l-20 sena.

Imwiet li setgħu kienu evitati…

L-esperti fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll dawk fil-qasam tal-ħidma soċjali huma mħassba. Is-sena l-oħra l-istatistika tal-UNICEF irriżultat li n-numru tat-tfal fl-etajiet ta’ bejn 0 u disa’ snin bl-HIV qabżu l-miljun (1.03 miljun) u kważi 90% minnhom jgħixu fl-Afrika.

Barra minnhekk l-istess istudju ħareġ realtà oħra – dik li l-problema tal-HIV fl-adoloxxenti m’hiex tkun indirizzata sewwa. Mill-120,000 tfal u adoloxxenti li fl-2020 mietu kawża tal-AIDS, l-UNICEF tisħaq li 72% tal-imwiet li seħħu fost tfal taħt l-10 snin u li skont hija, dawn setgħu kienu evitati. 

Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ mwiet relatati mal-AIDS fost it-tfal jingħad li naqas b’74% meta mqabbel mal-agħar perjodu tal-epidemija lura fl-2003. Mentri, l-ammont annwali ta’ mwiet relatati mal-AIDS fost l-adoloxxenti bejn l-10 u d-19-il sena naqas biss b’10% mill-2003. 

Għaldaqstant, il-UNICEF wissiet li, “minkejja li saru avvanzi kbar fir-rata ta’ sopravvivenza fost it-tfal li jgħixu bl-HIV, ma jistax jingħad l-istess fil-każ tal-adoloxxenti u hemm bżonn ta’ azzjoni fir-rigward.” 

Ekonomija

Sport