Wednesday, April 24, 2024

“Determinat li nerġa’ nagħmel dan il-Partit wieħed rebbieħ” – Grech

Aqra wkoll

Ġimgħa wara l-elezzjoni ġenerali f’pajjiżna, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit għandu futur sabiħ u lli jinsab determinat li jerġa’ jagħmel il-PN, Partit rebbieħ.

Meta dalgħodu kien qed jiġi intervistat fuq NET FM, Grech qal: “Jekk nagħrfu li lkoll naħdmu flimkien inkunu nistgħu mhux biss inkunu Oppożizzjoni aktar b’saħħitha imma partit aktar b’saħħtu.”

Mistoqsi dwar il-fatt li kien hemm min ma vvutax u kif jinterpreta dan ir-riżultat, Grech qal: “Jidher ċar li għandna messaġġ b’saħħtu ta’ astenzjoni. Huwa messaġġ li jibgħatilna lilna l-poliċi kollha, inkluż tal-partiti ż-żgħar għaliex għandna l-obbligu li nifhmu għalfejn għandek ammont kbir ta’ nies li ma riedux jieħdu sehem f’din l-elezzjoni. Huwa messaġġ ukoll b’saħħtu lill-gvern. Illum hemm eluf kbar ta’ nies li qed iwasslu dan il-messaġġ li qed jitilfu l-fiduċja fis-sistema politika. Jiena ninsab determinat li se naħdem fuqha għax irrid sistema b’saħħitha li tnissel fiduċja fin-nies.”

Grech tkellem ukoll li bħala partit se jkomplu bir-riġenerazzjoni u li l-ħidma tagħhom ma tieqaf qatt.

“Determinat li nerġa’ nagħmel dan il-Partit wieħed rebbieħ kif dejjem kien fl-istorja tiegħu,” qal Grech.

Dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku, qal li dan huwa mument sabiħ mhux biss għax huwa l-Kap tal-Knisja Kattolika imma għaliex huma mexxej importanti internazzjonali. Qal li dan huwa tmiem il-ġimgħa sabiħ u appella lin-nies biex jaraw li b’mod jew ieħor jipparteċipaw f’din il-miġja sabiħa. 

Sport