Minn Critstian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Jien ġejja minn familja li fiha l-isport huwa importanti ħafna. B’hekk sa minn meta kont żgħira pruvajt ħafna sports iżda fis-ena 2019 darba pruvajt l-atletika u xtaqt inkompli iktar fuqha. Dak iż-żmien kont ingħaqadt ma’ klabb iżda xhur wara li bdejt kelli nieqaf minħabba l-Covid-19. Waqaft kompletament sakemm sena u nofs ilu waqt l-isports day tal-iskola ħadt sehem f’ tiġrijiet u mort tajjeb ħafna li l-ghalliem tal-Edukazzjoni Fiżika (PE) tiegħi kellmitni biex inkompli l-atletika flimkien bl-apoġġ tal-familja tiegħi speċjalment ta’ ommi, peressli anke hi tipprattika dan l-isport u minn hemm reġgħet ħarġet l-imħabba għal dan l-isport. Niftakar ingħaqadt ma’ Rush Athletic Club u ħassejtha diffiċli ħafna l-ewwel darba iżda l-kowċ tiegħi Rachid Chouhal għamilli kuraġġ, tani sapport u għenni ħafna sakemm erġajt drajt u ħassejtni komda. Nirringrazzjah talli sal-lum il-ġurnata għadu jagħtini s-sapport u l-gwida tiegħu f’kull ħin biex jarani sejra ‘l quddiem.
X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?
F’sena u nofs li ili nipprattika dan l-isport, inħoss li sejra tajjeb ħafna. Ksibt midalja tad-deheb f’60m f’kompetizjoni mtella’ minn Rush Athletic Club, ukoll midalja tal-bronż f’Kampjonati Nazzjonali u riċentement sirt naf li dħalt fit-tim nazzjonali tal-atletika. Ksibt ukoll ħafna Personal Bests f’distanzi varji kemm lokalment u anke fix-xena internazzjonali.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Personalment, inħossni li l-livell huwa għoli u qed jogħla tul is-snin, u dan jirrifletti r-riżultati tajbin li qed jinkisbu internazzjonalment minn atleti Maltin.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Il-post fejn isir it-taħrig tagħna l-atleti huwa l-Marsa fejn ikun hemm ħafna klabbs tal-atletika jitħarrġu fl-istess ħin. Riżorsa importanti ħafna huwa li jkollok kowċ ta’ livell għoli u b’ esperjenza. Rigward kompetizzjonijiet, isiru ħafna meets organizzati minn Athletics Malta u jkollna Kampjonati Nazjonali. Magħhom ikollok pjanati wkoll kompetizzjonijiet internazzjonali wkoll.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Determinata li nkompli nikber, nikseb unuri u ħinijiet aħjar fl-atletika. Nixtieq li nasal li nirrapreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet ta’ livell għoli.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
L-ewwel ma trid tibda hu li temmen fik innifsek kuljum, temmen li se tirnexxi, tkun determinata, konsistenti u lesta li tagħmel ħafna sagrifiċċji biex tilħaq l-ambizzjonijiet tiegħek u tikseb suċċess. Tiqafx tistaqsi u titgħallem biex tkun atleta aħjar, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, irrispetta lil kullhadd u dejjem żomm saqajk mal-art!