Din is-sena bħala Gvern irridu nkomplu niksbu aktar riżultati konkreti għal Malta u Għawdex. Fix-xhur li għaddew ħdimna ħafna u llum għandna bażi b’saħħitha fuq xiex nibnu. F’dak li għandu x’jaqsam mas-sussidju fuq l-enerġija bħala Ewroparlamentari se nibqa’ nirsisti biex din tibqa’ affordabbli għalik u għall-familja tiegħek u fuq l-industrija, se nkompli naħdem biex insaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna.
Se nkompli npoġġi l-interessi ta’ pajjiżna fuq quddiem nett ukoll fit-trasport, billi nħarsu l-ħaddiema u s-setturi ewlenin bħal dak marittimu kif ukoll it-turiżmu, għax dan mhuwiex biss dwar it-turisti, imma dwar ix-xogħol li joħloq u l-komunitajiet li huma affettwati minnu. Din is-sena rridu nkomplu nwettqu dak li nemmnu fih: politika li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies u li tipproteġi l-futur ta’ pajjiżna.
Determinat li din is-sena nikseb aktar riżultati għal Malta u Għawdex. Ħidma li tgħodd għalik, għall-familja tiegħek, u għall-futur tagħna lkoll. Dan għaliex għal dan il-Gvern ħadd mhu minsi. Is-sena l-ġdida fissret aktar żidiet u għajnuniet għal kulħadd.
Bdejna sena ġdida b’aħbar tajba għal 120,000 pensjonant u benefiċjarju f’Malta u Għawdex. Issa daħlu fis-seħħ iż-żidiet fil-pensjonijiet u benefiċċji kif imħabbra fil-Budget. €8 fil-ġimgħa li jfissru €416 fis-sena żieda għal kull pensjonant. Din mhix biss żieda, din hija turija ċara tal-politika soċjalista ta’ Gvern Laburista. B’din iż-żieda, il-Gvern investa €87 miljun f’pensjonijiet u benefiċċji soċjali.
Fl-aħħar 10 snin biss, il-pensjonijiet żdiedu b’aktar minn €70 fil-ġimgħa. Dan ifisser li l-Gvern mhux biss jitkellem fuq il-ġustizzja soċjali – imma jwettaqha għal kulħadd. Minn benefiċċji għal dawk li jaħdmu, sa għajnuna għal dawk l-aktar vulnerabbli, il-messaġġ hu wieħed ċar: ħadd mhu minsi.
U nista’ nibqa’ sejjer; Iċ-children’s allowance – żieda ta’ kważi €600 fuq kull wild fl-aħħar 3 snin biss, €500 oħra fis-sena għall-ġenituri ta’ dawk li jkomplu jistudjaw, stipendji għal dawk li jirrepetu, għajnuna għal dawk li se jixtru l-ewwel dar, €4 miljun f’In-Work Benefit għal 23,000 familja, €10 miljun oħra f’benefiċċji mhux kontributorji u fl-istess waqt, dawk li jiddependu fuq l-assistenzi soċjali komplew jonqsu għal livelli bla preċedent, tnaqqis ta’ kważi 70% mill-2013 ’l hawn!
Din hija politika b’valuri ċari: Gvern Laburista li bil-fatti, joħloq il-ġid u jaħseb f’kulħadd.