Sunday, December 22, 2024

Determinazzjoni, tenaċità u l-ispirtu ta’ għaqda ingredjenti ta’ suċċess għal Jarhead Young Sailors fir-Rolex Middle Sea Race

Aqra wkoll

It-42 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race ser tkun meqjusa bħala waħda li tinkiteb fl-istorja. Tellieqa li tibqa’ mfakkra għal bosta snin li ġejjin, b’mod partikolari għar-rekord li ġie miksur b’tali mod li x’aktarx jibqa’ mhux ikkontestat għas-snin li ġejjin u, il-kundizzjonijiet tat-temp mill-agħar u bla waqfien li l-flotta ta’114 jott ġiet esposta għal-parti l-kbira tal-korsa ta’ 606 mil nawtiku.

Fost il-flotta kien hemm iż-żewġ jottijiet J-109 ta’ 36 pied “Jarhead” u “JYS-JAN” li huma amministrati mill-Jarhead Young Sailors Foundation (JYSF).  Tabilħaqq, l-isem zgħażagħ huwa aġġettiv xieraq meta wieħed jara li l-età medja tal-ekwipaġġ kienet ta’ sbatax.  Il-proċess tal-għażla huwa rigoruż kif spjega l-Amministratur tal-JYSF Wilfrid Buttigieg.

“L-ekwipaġġ li ħa sehem fir-Rolex Middle Sea Race ta’ din is-sena kien jifforma parti mill-programm tat-tim Avvanzat li huwa miftuħ għall-baħrin b’esperjenza fl-ibburdjar tal-kategoriji dinghy. Ladarba jintgħażel, it-tim jgħaddi minn taħriġ iebes min taħt l-idejn tal-iskippers ta’ esperjenza bħal Richard Nicholson u Matthew Farrugia. It-taħriġ, fix-xaħrejn ta’ qabel it-tellieqa, kien jinkludi sessjonijiet matul il-lejl”

Fost l-ekwipaġġ ta’ Jarhead, immexxi minn Richard Nicholson, kien hemm Jake Mallia, li ta’ ħmistax-il sena kien l-iżgħar abbord. Mallia kien fl-ewwel esperjenza tal-ibburdjar barra mill-ixtut, iżda hu ġej minn karriera ta’ suċċess fl-ibburdjar fil-kategorija Optimist. Huwa ddeskriva l-esperjenza bħala xejn qrib ta’ dak li kien qed jistenna iżda l-fatt li spiċċa t-tellieqa tagħtu għamlitu kburi u soddisfatt immens. Ma Mallia, qabel Alex Siegler li s-sena l-oħra tilef it-tellieqa minħabba li kien f’kwarantina. Huwa ddeskriva l-kundizzjonijiet tat-temp li jinbidlu konsistentament bħala dawk li jeħtieġu konċentrazzjoni kontinwa u teħid ta’deċiżjonijiet spontanji.

Fuq JYS Jan, immexxi minn Matthew Farrugia li huwa veteran tat-tellieqa bi ħmistax-il tellieqa f’ismu, is-sitwazzjoni kienet simili. L-iżgħar abbord kien Liam Chilton li ta’ sittax-il sena kien qed jesperjenza wkoll l-ewwel tellieqa offshore tiegħu. Dak li kien nieqes f’termini ta’ esperjenza kien ikkumpensat b’rieda sħiħa biex imur lil hinn minn dak li jqis normali għalih, u dan kien dovut l-aktar għat-tim u l-atmosfera ta’ għaqda abbord.

Bid-dgħajjes li jirtiraw b’mod regolari, wieħed kien ma kienx jkun sorpriż kieku l-ekwipaġġ tal-Jarhead ħadu l-istess deċiżjoni żda d-determinazzjoni tagħhom – fil-parametri kollha meħtieġa ta’ sigurtà raw liż-żewġ dgħajjes jaqsmu l-linja finali ftit sigħat l-bogħod minn xulxin. Huma waslu għal merħba mill-aqwa minn familjari, ħbieb u ekwipaġġi tal-passat tal-JYS li issa jtellqu fuq dgħajjes akbar, li kienu ilhom jistennew bi ħerqa r-ritorn tagħhom.

“Il-previżjonijiet tagħna kienu għal tellieqa iebsa u ma konniex żbaljati. Apparti l-kundizzjonijiet koroh, kellna seba’ baħrin b’esperjenza limitata f’tlielaq min dawn it-tip.  Uħud qatt ma kienu tellqu bil-lejl, u numru ta’ membri tal-ekwipaġġ affetwhom il-baħar imqalleb. Madankollu temmew din l-isfida bid-dinjità tagħhom mhux mittiefsa. Dan jagħmilna, il-Fondazzjoni, kburin immens bil-baħrin żgħażagħ tagħna” spjega Richard Nicholson. Nicholson ikkompeta f’ħafna mit-tlielaq offshore, sponsorjati minn Rolex, madwar id-dinja.

Imwaqqfa f’Ottubru 2017 minn Gregory Nasmyth u martu Samantha Rowe-Beddoe, il-Jarhead Young Sailors Foundation twaqqfet biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ f’Malta jibdew jitħarrġu u jikkompetu fl-isport tal-ibburdjar.

“Jien dejjem mimli sens kbir ta’ kburija u ferħ meta nara liż-żagħżagħ tal-JYS jirritornaw lura Malta. Dan ma’sens kbir ta’serħan li kulħadd huwa lura qawwi u sħiħ mal-familji tagħhom. Din is-sena kienet aktar stressanti mis-soltu. Konna nafu li d-dgħajjes se jkollhom ġirja iebsa nħar il-Ħadd bil-lejl, JYS Jan ra ħamsin mil nawtiku fis-siegħa fl-avviċinament lejn Stromboli, iżda ma konniex nistennew li d-dipressjoni fin-nofsinhar ta’Malta tibqa tippersisti. Dan it-temp għamel l-avviċinament lura lejn Malta minn Lampedusa diffiċli ħafna – daqs li kieku wieħed kien f’makna tal-ħasil – kif iddeskriva wieħed mill-ekwipaġġi” irrimarka Nasymth. “Richard, Matthew, u Wilfrid kienu instrumentali f’dan il-proġett – bejniethom ġabu lit-tfal lura d-dar u ispirawhom biex ikunu nies aħjar.”

Ir-Rolex Middle Sea Race ta’din is-sena spiċċat iżda l-Fondazzjoni se tkompli bil-ħidma bla waqfien tagħha biex tipprovdi lill-baħrin żgħażagħ Maltin l-opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fl-ibburdjar. Il-pjan hu li jkomplu jtellqu lokalment u fil-futur qarib, possibilment barra.

Ekwipaġġi

JYS Jarhead

Richard Nicholson, Emilie Gregory (19), Alex Siegler (18), Jake Mallia (15), Sean Valentino (20), Nicky Debono Drury (18), Angele Vella (16), Isaac Vassallo (16)

JYS Jan

Matthew Farrugia, Saul Vassallo (18), Andrea Vella (17), Daniel Bajada (17), Liam Daniel Chilton (16), Shaun Miggiani (19), Patrice Pace (18), Luke Rausi (17)

Ekonomija

Sport