Fejn tidħol l-immigrazzjoni minn naħa ta’ fuq tal-Afrika qegħdin naraw l-istess xejriet. Politika Ewropea, li għalkemm ma tingħadx, għalkemm mhix miktuba, il-messaġġ tagħha hu wieħed. Dak ta’ deterrent. Dak li jinbnew il-ħitan fuq il-fruntieri. Li tbeżża. Li tagħmilha diffiċli. Li taqfel l-immigranti salvati f’ċentru fl-Albanija – deċiżjoni li są issa l-Qrati Taljani dejjem ikkundannawha.
Deterrent li jfisser ukoll li tiġbor immigranti u taqfilhom fid-detenzjoni. Il-messaġġ tal-politika Ewropea hu ċar – jitwassal il-messaġġ li jekk tipprova taqsam se tispiċċa maqful, mibgħut lura jew imħolli f’nofs ta’ baħar. Abbandunat ben sema u ilma. U r-riżultat ta’ dan xi drabi jkun traġedji.
Narew filmati ta’ katavra wara ieħor jinġabru mill-baħar. Hemm realtà oħra, li titħalla abbanvuant u tisparixxi u ħadd ma jkun jaf x’ġara bik aktar. Tispiċċa f’qiegħ iċ-ċimiterju imsejjaħ Mediterran. Ċimiterju li minkejja dak li jingħad jibqa’ jżid il-vittmi.
Il-politika ta’ deterrent…..skiet totali fuqha
Dwar il-politika ta’ deterrent hemm skiet totali. Ftit li xejn tissemma. Għajr attivisti li b’mod regolari jippruvaw jgħinu lil dawn il-persuni vulnerabbli ftit li xejn tisma dwarha. Hi politika li l-għan tagħha hu li tasal fil-Libja, fit-Tuneżija u pajjiżi oħra minn fejn isiru l-vjaġġi. Dan biex l-istess immigranti jibżgħu u ma jagħmlux il-vjaġġ. L-Ewropej u fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jaħsbu li dan id-deterrent għandu jwassal biex jonqsu l-vjaġġi.
Ħsieb żbaljat. Politika li falliet. Dan għax il-vjaġġi baqgħu isiru. Jinbidlu ir-rotot. Jinbidlu is-sistemi. Għax kif jgħidu l-istess immigranti li jagħmlu l-vjaġġi, ‘la tibda l-vjaġġ ħadd u xejn ma jwaqqfek’. Titkellem magħhom jgħidulek ċar u tond li jafu kemm il-vjaġġ bil-baħar hu perikoluż.
Jafu kemm dak in-naqra ta’ dinghi mhux sigur. Jissorprenduk imma meta tgħidilhom “għaliex taqsam jekk taf li daqstant perikoluż?”. Ir-risposta tkun ċara, dak id-dinghi jew dik il-qoxra tal-baħar hi l-aħħar tama li jkun fadlilhom.
Iħossuhom aktar siguri fuqha milli fuq l-art fil-Libja jew it-Tuneżija.Kif kien qalli żagħżugħ snin ilu metą intervistajtu: “fil-Libja għalina l-Afrikani m’hemm ebda sigurtà. Tista’ tkun għaddej fi triq u xi ħadd jisparalek. Lilna lanqas iqisuna bħala nies. Jien tlaqt minn pajjiżi biex ikolli l-libertà li ngħix. Mhux li nispiċċa skjav. Hemm spiċċajt il-Libja. Skjav naħdem bil-lejl u bi nhar. Ta’ ħafna xogħol ma nitħallasx. Ituk ikel u ilma. Din mhux il-ħajja li ridt ngħix jien.
Titlaq u faċilment tispiċċa fid-detenzjoni. Jaħtfuk u tinqafel ġewwa. U terġa’ tinbiegħ lil xi ħadd ieħor, u terġa’ tidħol fl-iskjavitù. Tisma’ u tara stejjer ta’ nies bħalek, mill-istess pajjiż, li jispiċċaw jinqatlu. Oħrajn imutu sforz torturi u swat li jkunu qalgħu. Il-vjaġġ bil-baħar ikunu l-unika tama li jkun fadallek. F’dik id-dgħajsa inti qiegħed ma nies bħalek. Li qegħdin ifittxu l-libertà.
Li jridu jgħixu ħajjithom. Hemmhekk ħadd mhu se jippontalek pistola ma’ rasek. Hemmhekk ħadd mhu se jsawwtek b’katina. Ħadd mhu se jorbtok biex jittorturak. F’dik id-dgħajsa hemm tama kbira. Li tasal f’post li għall-ewwel darba f’ħajtek tkun tista tibda tgħix. Dik id-dgħajsa, minkejja l-perikli u nafu kemm mietu nies, hi dak il-pont li twassalna biex nieħdu l-libertà tagħna”.
Għaliex il-politika Ewropea tagħżel bejn dawk li għandhom igawdu d-drittijiet tagħhom u dawk li tkun miċħuda. U meta għandna suppost għandna Unjoni Ewropea ibbażata fuq is-solidarjetà u fuq id-drittijeit umani, ma nistgħux ma nistaqsu għaliex issa qegħdin nagħżlu bejn dawk li ghandhom igawdu d-drittijiet umani tagħhom, u bejn dawk li jidhrilna għandna nċaħħduhomlom?
Din il-politika żbaljata Ewropeja u ma tagħmilx ġieħ lill-valuri li fuqhom nbniet l-Ewropa. Din hi politika li ddaħħlet fl-aħħar snin u bdiet tiġi imbuttata fl-aħħar snin. Dan għaliex kien hemm żmien meta l-pajjiżi Ewropej kienu jgħinu f’missjonijiet kordinati bħala ‘Mare Nostrum’ biex jiġu salvati l-immigranti.
U l-politika ta’ deterrent tissemma’ anki fil-Qorti
Kellna każ fil-qrati fejn mara immigranti kienet vittma ta’ diversi abbużi abbażi tal-ġeneru. Kellu diversi xhur tqala u kellha diversi kundizzjonijiet mediċi. Ittellgħet il-Qorti. Idderiġewha biex tagħmel ammissjoni imma imkien ma semmewlha li hemm pieni ħorox u ħabs effettiv. Kienet iddikjarat li tbati minn diversi kundizzjonijiet mediċi, inkluż dawk ta’ saħħa mentali u li t-tqala tagħha hija waħda diffiċli tant li għandha bżonn tiġi nvistata regolarment ġewwa l-isptar.
Kienet argumentat li l-Ewwel Qorti naqset milli tieħu konjizzjoni tal-fatt li hija tinstab fi stadju avvanzat tat-tqala u li ser ikollha twelled fil-perjodu tal- inkarċerazzjoni tagħha tant li ser tispiċċa ma tkunx tista toqgħod mat-tarbija tagħha sakemm tiskonta s-sentenza imposta fuqha.
Min-naħa tiegħu l-Avukat Ġenerali argumenta li l-Ewwel Qorti kellha raġun tinsisti li meta l-Istat jiġi rinfaċċjat b’theddida kontra l-frontieri tiegħu, ir-risposta għandha tkun li tinforza piena eħrex sabiex isservi ta’ deterrent fl-interessi tas-sigurta’ ta’ Malta L-Avukat Ġenerali sostna li jekk din is-sentenza tiġi mibdula f’waħda sospiża, dan sejjer iwassal messaġġ lil dawk l-immigranti li jridu jidħlu Malta b’mod illegali li jekk ikollhom it-tfal magħhom huma jistgħu jevitaw sentenza ta’ ħabs effettiv minħabba l-fatt li jkollhom lit-tfal magħhom.
Il-Qorti imma tenniet li ma tistax tiġġeneralizza. Kull każ irid jiġi mistħarreġ skont il-merti tiegħu u tat sentenza sospiża.