Sunday, December 22, 2024

DETOCS: Proġett Ewropew għal turiżmu aktar nadif, effiċjenti u sostenibbli wara l-Covid-19

Malta bi rwol ieħor importanti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-prattiċi tajbin li Malta s’issa rnexxielha timplimenta u titgħallem minn reġjuni oħra dwar effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal tkabbir sostenibbli u dekobarnizzazzjoni fit-tul tawha rwol importanti fil-proġett Ewropew DETOCS – DEcarbonising the Tourism Industry Post Covid-19 Support – li l-għan tiegħu huwa li jappoġġa l-irkupru tas-settur tal-infrastruttura tat-turiżmu tal-UE wara l-pandemija tal-Covid-19 fost il-kriżi tal-enerġija li għandna bħalissa, b’mod sostenibbli u b’livell baxx ta’ karbonju.

L-Interreg Europe DETOCS ġie approvat reċentement u huwa mifrux fuq erba’ snin b’baġit ta’ ftit inqas minn €2 biljuni li €1.56 biljun minnhom huma pprovduti mill-Fond Ewropew għall-Iżviluppi Reġjonali (ERDF).

L-Unjoni Ewropea trid tiddekarbonizza l-ekonomija tagħha sal-2050 bil-għan li timmitiga t-tibdil fil-klima. Fl-istess ħin il-Blokk Ewropew jinsab f’ħidma biex iżid is-sigurtà, l-awtosuffiċjenza u l-enerġija f’perjodu li fih il-kriżi tal-enerġija li ninsabu fiha qiegħda tkompli taggrava s-sitwazzjoni.

Il-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-fjuwils u tal-elettriku minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, qiegħdin dejjem aktar jheddu l-vijabbiltà u l-profittabbiltà tal-infrastruttura tat-turiżmu fl-Ewropa.

Dan barra li, riżultat dirett tal-lockdowns u l-limitazzjonijiet fl-ivjaġġjar tul il-pandemija tal-Covid-19, l-infrastruttura tat-turiżmu tal-Ewropa qalgħu daqqa ta’ ħarta. Għaldaqstant, l-irkupru tas-settur turistiku li huwa ta’ valur kbir għall-ekonomija Ewropea, issa aktar minn qatt qabel huwa meħtieġ u kruċjali.

An aerial view of the Spinola Bay, St. Julians and Sliema town on Malta

Il-proġett DETOCS huwa konformi mal-politika tal-UE fit-tul għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. Pajjiiżna, flimkien mar-reġjuni msieħba tal-Islovenja, il-Ġreċja, il-Finlandja, l-Italja, il-Bulgarija, l-Ungerija u l-Olanda se jidentifikaw u jimplimentaw prattiċi li jwasslu għal turiżmu sostenibbli, liema tagħrif se jaqsmu bejniethom biex flimkien itejbu l-politika relatata fir-reġjuni tagħhom.

Ħidma biex l-Ewropa tkun newtrali għall-klima sal-2050

L-għanijiet ta’ DETOCS, f’kull wieħed mir-reġjuni msieħba, huma li: tkun iffaċilita d-dekarbonizzazzjoni tal-infrastruttura tat-turiżmu; tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-infrastruttura tat-turiżmu; tiżdied l-awtosuffiċjenza enerġetika tas-settur tat-turiżmu; ikun hemm promozzjoni ta’ tipi ġodda ta’ turiżmu li għandhom konsum baxx ta’ enerġija u carbon footprint, jiġifieri “turiżmu virtwali”; u li jgħinu lir-reġjuni biex ilaħħqu mal-kriżi tal-enerġija attwali li żżid is-sehem tal-ispiża tal-enerġija tagħhom, l-ispiża operattiva totali li thedded il-profittabilità u l-vijabbiltà ekonomika tagħhom.

Dan il-proġett jippromwovi transizzjoni għal enerġija aktar nadifa u sostenibbli għall-infrastruttura tat-turiżmu u l-miżuri t’hawn fuq se jgħinu biex jonqsu l-emissjonijeiet tal-gassijiet mis-serer b’investimenti ġodda għal aktar skemi li jwasslu għal effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2018/2001.

Ir-rwol ta’ Malta

Dan il-proġett favur l-ambjent huwa l-viżjoni tal-industrija tat-turiżmu lokali kif ukoll dik Ewropea. L-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli tal-Università ta’ Malta, flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu, huma msieħba f’dan il-proġett ambizzjuż u fil-ġimgħat li ġejjin se ssir laqgħa ħalli jiġi ffurmat grupp minn partijiet interessati.

Dawn jinkludu entitajiet rilevanti li huma direttament jew indirettament involuti fl-industrija tat-turiżmu f’Malta.

Il-grupp se jkun kontinwament infurmat u involut f’DETOCS, fejn se jsiru laqgħat u workshops lokali, kif ukoll żjarat internazzjonali. L-ewwel laqgħa hija ppjanata li ssir fis-Slovenja x-xahar id-dieħel.

Ekonomija

Sport