Monday, January 12, 2026

DEVASTAZZJONI FATALI MIĠBUDA F’FILMAT… GĦALA?

Il-professjonist Matthew Bartolo jispjega kif jaħdem il-moħħ f’sitwazzjonijiet ta’ biżgħa u periklu

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-traġedja li seħħet lejliet l-Ewwel tas-Sena f’Le Constellation Bar fl-Isvizzera swiet il-ħajja ta’ 40 persuna u ħalliet 116-il persuni feruti. Fost il-kaos ta’ dan l-inċident kien hemm min, minflok għen jew ħareġ jiġri ‘l barra fis-sigur, qabad il-mowbajl u ġibed dak li kien qiegħed jiżvolġi quddiem għajnejh. Filmat li ċċirkola online fil-fatt juri nirien kbar jaħkmu l-istabbiliment. Hawn tqum il-mistoqsija ta’ għala, proprju f’dak il-mument kritiku ta’ periklu serju, persuna tagħżel li toħroġ il-mowbajl u tieħu vidjow. 

Bil-għan li nifhmu dan it-tip ta’ atteġġjament, IT-TORĊA tkellmet mal-professjonist Matthew Bartolo fejn filwaqt saħaq li diffiċli niġġudikaw tali atteġġjament, spjega li f’sitwazzjonijiet bħal dawn il-moħħ jaħdem differenti. Ma’ dan żied tendenza li nikkuppjaw lil ħaddieħor u l-fatt li tant drajna naqbdu l-mowbajl u niġbdu vidjows ta’ diversi affarijiet u sitwazzjoni, li ssir saħansitra b’mod awtomatiku.

Meta persuna tgħaddi minn trawma

Fl-ispjegazzjoni tiegħu Matthew Bartolo beda billi enfasizza li, “huwa importanti li nifhmu li sakemm aħna ma nkunux f’dik is-sitwazzjoni u anke meta nkunu f’tali sitwazzjoni, xorta m’aħniex dik il-persuna li ġabet ruħha b’dak il-mod. Allura, diffiċli ħafna niġġudikaw għax ma nafux l-istorja ta’ dik il-persuna u minn fejn hija ġejja u xi tfisser għaliha dik is-sitwazzjoni”. 

Bartolo qal li kulħadd faċli jara l-vidjow u jgħid ‘kieku jien kont nagħmel xi ħaġa differenti’, però meta tkun fiha se ġġib ruħek b’mod li inti stess ma tagħrafx. Dan il-professjonist qasam magħna li meta jiltaqgħu ma’ nies li għaddew minn trawma, ħafna drabi jħarsu lura u jgħidu li qatt ma mmaġinaw li se jġibu ruħhom b’dak il-mod u li dejjem immaġinaw li jġibu ruħhom mod ieħor. 

Il-mowbajl f’dak il-mument…

Kompla jispjega li, “barra minnhekk, hemm diversi raġunijiet għala wieħed joħroġ il-mowbajl f’dak il-mument. Waħda minnhom hija li meta wieħed iħoss biżgħa kbira flok jaħdem bil-biċċa ta’ quddiem tal-moħħ, li hija responsabbli fost affarijiet oħra mid-deċiżjonijiet, id-deċiżjonijiet isiru minflok mill-Amygdala li hija aktar fuq is-sopravvivenza. Kultant fl-Amygdala d-deċiżjonijiet ma jkunux dejjem għaqlin u mhux dejjem nifhmuhom. Jiġifieri, jekk ħafna drabi f’sitwazzjoni joħorġu l-mowbajl jirrikurdjaw, il-moħħ jaf jagħmel hekk. Jekk is-soltu, meta ħabib jaqa’ niġbidlu vidjow u nidħku daħka, f’din is-sitwazzjoni stressanti jsir l-istess”. 

Lat ieħor li semma’ Bartolo huwa dak tal-psikoloġija tal-bniedem. Fir-rigward huwa qal li f’inċidenti bħal dawn jaraw li ħafna drabi n-nies għandhom it-tendenza li f’każ ta’ emerġenza jaħsbu li jkun fadallhom ħafna ħin meta effettivament ma  jkunx il-każ. Jaħsbu li kapaċi jieħdu l-vidjow imbagħad joħorġu. Wara jindunaw li nqabdu fin-nar.

“Barra minnhekk nafu wkoll li f’sitwazzjoni ta’ xokk u biżgħa hemm min jiġġieled, hemm min jaħrab u hemm min jiffriża. Illum il-ġurnata li toħroġ il-mowbajl u tieħu vidjow kważi kważi nistgħu narawha għax persuna tkun iffriżat għax ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel u għamlet dak li tagħmel is-soltu,” kompla dan il-professjonist.

Tendenza li nikkuppjaw lil ħaddieħor

… bħalma ġara fil-Covid bit-toilet paper

Raġuni oħra tista’ tkun dik li nikkuppjaw lil ħaddieħor. Jekk xi ħadd joħroġ il-mowbajl u jirrikordja, skont Bartolo, “hemm ċans li se nagħmel bħalu għax qed nibża’ u qatt ma kont f’din is-sitwazzjoni. Mela moħħi, b’mod irrazzjonali, ħa jikkoppja x’qiegħed jagħmel ħaddieħor”. Hawn huwa ġab eżempju ta’ żmien il-pandemija tal-Covid-19 – “wieħed mar jixtri t-toilet paper u kulħadd mar jixtri t-toilet paper. Hija sitwazzjoni totalment differenti imma biex nagħtu eżempju ta’ kif, kultant, il-biżgħa twassalna biex naqbdu nikkuppjaw imġieba ta’ ħaddieħor anke jekk ma tagħmilx sens razzjonali”.

Finalment ippuntwalizza li rridu nammettu wkoll li hemm ċertu ‘conditioning’, li tfisser li tant drajna li meta jiġri xi ħaġa nieħdu vidjow, li jista’ jkun li qiegħda tiġri b’mod awtomatiku. 

“Din qiegħda tiġri fina lkoll b’mod awtomatiku… li jekk qiegħed f’waiting room se toħroġ il-mowbajl għax iddejjaqt ma tagħmel xejn u jekk ġara xi ħaġa straordinjarja li nista’ nuriha lil sħabi aktar tard, se noħroġ il-mowbajl u niġbed vidjow tagħha. Allura, jista’ jkun li aħna kkundizzjonati b’dan il-mod għax tant qegħdin nagħmluha ta’ spiss li anke f’sitwazzjojnijiet ta’ ħajja jew mewt, qegħdin nagħżlu li nagħmlu hekk b’mod, ovvjament, mhux konxju,” temm Matthew Bartolo.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport