Sunday, January 12, 2025

Devastazzjoni “imbassra” li bdiet fi ġnien ta’ residenza u żviluppat f’devastazzjoni fatali u ekonomika

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

In-nirien devastanti li ħakmu Los Angeles fl-Istati Uniti diġà swew il-ħajja ta’ għaxar persuni u qerdu mal-20,000 ettaru ta’ art bi ħsara stmata li se tilħaq aktar minn €49 biljun. F’sitwazzjoni deskritta bħala apokalissi u infern, l-aħħar nirien jidher li bdew minn xrara fi ġnien ta’ residenza u fir-rigward il-pulizija lokali APD ħabbret li arrestaw persuna ssuspettata li qabdet in-nar apposta. Fi ftit sigħat din ix-xrara żviluppat fl-agħar nirien bla kontroll li qatt esperjenzat din iż-żona b’konsegwenza li ġew irmied ukoll uħud mill-aktar vilel lussużi fil-famuż Hollywood. Xokkanti huwa l-fatt, li tali “armageddon” kien imbassar f’wieħed mill-podcast tal-influencer magħruf, Joe Rogan f’Lulju li għadda.

“Qatt ma rajna xi ħaġa bħal din f’ħajjitna kollha”. Hekk saħqet il-kap tad-Dipartiment tal-pumpieri ta’ Los Angeles, Kristin Crowley hekk kif tkellmet dwar in-nirien li bdew nhar it-Tlieta li għadda u nfirxu f’inqas minn 48 siegħa f’forma ta’ “maltempata ta’ nar”. Filwaqt li Crowley stqarret li l-firxa ta’ dawn in-nirien bla kontroll hija l-agħar waħda li qatt raw, is-Sindku ta’ Los Angeles  qal li r-riħ u n-nixfa ħolqu l-kundizzjonijiet perfetti biex tinfirex bla kontroll din “il-maltempata ta’ nirien”. Mentri, il-President elett Donald Trump saħaq li t-tort huwa kollu tal-gvernatur ta’ Kalifornja.

“… M’hemm xejn li aħna se nkunu nistgħu nagħmlu”

Ironikament, tali xenarju tal-biża’ kien suġġett li tkellem dwaru s-sajf li għadda l-podcaster Joe Rogan fejn ta dettalji ta’ konversazzjoni inkwetanti li kellu ma’ pumpier mid-Dipartiment ta’ Los Angeles. Rogan kien qiegħed jitkellem ma’ mistieden minn tiegħu, Sam Morri, fl-episodju ta’ Lulju tal-2024. Rogan qal li pumpier kien avżah li “xi darba se jkun hemm ir-riħ perfett u jinbeda nar fil-post ideali. Dan in-nar se jinfirex ma’ Los Angeles kollu sakemm jasal ħdejn l-oċejan u m’hemm xejn li aħna se nkunu nistgħu nagħmlu”. 

Din it-tbassira mill-pumpier, hekk kif irrakkontata minn Rogan saret realtà f’dawn in-nirien bil-kundizzjonijiet ambjentali u rjiħat mhux ideali li wasslu biex issa hemm din id-devastazzjoni. Dan filwaqt li esperti qegħdin isostnu wkoll li x-xita qawwija li għamlet is-sena l-oħra f’El Nino wasslet għal żieda fit-tkabbir tal-ħaxix tal-inħawi ta’ Los Angeles. Dan il-ħaxix laħaq nixef u sar aktar faċli biex jieħu n-nar. Hekk kif beda n-nar, SoCal inbela b’irjiħat perikoużi magħrufa bħala s-Santa Ana li huwa riħ sħun mill-Grigal li jonfoħ minn ġewwa tar-reġjun lejn il-kosta. 

In-nar ta’ Palisades… Żona lussuża li sfumat f’irmied 

In-nar li beda minn Palisades s’issa sewa l-ħajja ta’ għaxar persuni però l-awtoritajiet lokali għadhom ma jafux eżattament kemm huwa l-vera numru tal-vittmi. Fil-fatt, huwa rrapportat li l-pulizija lokali lesti biex jużaw klieb K9 ħalli jxommu għal kadavri maħruqa. F’dan id-diżastru eluf ta’ nies spiċċaw bla dar. 

Il-periklu minn dawn in-nirien bla kontroll huwa evidenti minn filmati li qegħdin jittellgħu fuq il-midja soċjali fejn f’pajjiżi barranin ‘il bogħod minn kollox “ma jistgħux jimmaġinaw is-severità tas-sitwazzjoni f’Los Angeles”. Aktar minn 130,000 persuna ġew evakwati fin-Nofsinhar ta’ Kalifornia fosthom nies famużi mill-industrija tal-films, televiżjoni u mużika Amerikana. Dawn l-istilel ta’ Hollywood ukoll irrikorrew għall-midja soċjali biex iħabbru li f’dawn in-nirien tilfu djarhom. 

Il-lista tal-atturi, kantanti u persuni famużi li l-vilel tagħhom issa spiċċaw irmied, hija pjuttost twila. Fost l-aktar famużi, anke fostna l-Maltin, hemm il-vilel ta’ Tom Hanks, Steven Spielberg, Miley Cyrus (din tilfet żewġt idjar) u Ben Affleck. Aktar atturi li raw il-vilel tagħhom jinqerdu min-nirien li bdew f’Palisades huma Jamie Lee Curtis, Anthony Hopkins, Billy Crystal, John Goodman, Jamess Woods, Maria Shriver, Mandy Moore, Eugene Levy, Miles Teller, Paris Hilton, Fergie, Adam Brody, Leighton Meester, Anna Faris, Diane Warren, Heidi Montag, Spencer Pratt, Cameron Mathison, Ricki Lake u Betsy Johnson.

Dawn il-vilel lussużi għall-aħħar flimkien mal-ħafna bini ta’ residenti u strutturi oħra li nħarqu huma smati li jwassslu għall-valur ekonomiku ta’ aktar minn €49 biljun. Min-naħa tiegħu l-gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, huwa rrapportat li ħassu offiż meta Donald Trump tefa’ t-tort fuqu għal dan l-infern ta’ nar li ħakem l-istat tiegħu. 

Trump: “Din hija verament traġedja”

Donald Trump qal pubblikament li s-sitwazzjoni allarmanti hija tort ta’ mmaniġjar ħażin u problemi sistematiċi fil-belt. Iddikjara dan hekk kif sar magħruf li ma kienx hemm riserva ta’ ilma f’każ ta’ emerġenza “minkejja li hemm l-oċejan imiss magħhom”. Huwa li ġie elett bħala l-President Amerikan il-ġdid sostna li, “din mhiex biss kwistjoni ta’ għadd ta’ problemi fil-belt minn immaniġjar ħażin imma, anke minħabba l-fatt li l-infrastruttura hija qadima”. 

Dan in-negozjant biljunarju li minn dan ix-xahar se jerġa’ jkun fit-tmun tal-Istati Uniti attakka wkoll lis-Sindku tal-belt ta’ Los Angeles, Karen Bass, li kienet imsiefra meta n-nirien bla kontroll belgħu l-belt kmieni din il-ġimgħa. F’intervista ma’ FOX News Trump ma kellux kliem sabiħ lanqas fil-konfront tad-Dipartiment tal-Ilma u l-Enerġija (DWP).

Caruso, li huwa eks kummissarju tal-bord tad-DWP tal-belt iddikjara li, “kulħadd kien jaf li kien ġej dan it-tip ta’ riħ… Huwa vitali li jkollok ħażna ta’ ilma u minn dak li qiegħed nifhem, ir-reservi ma kienux mimlija fil-ħin li bdew in-nirien. Dawn huma affarijiet bażiċi. Din hija kwistjoni ta’ tmexxija u mmaniġjar fejn qegħdin naraw falliment totali bir-residenti finalment iħallsu l-prezz qares. Għalfejn ma ċċemplux lis-Sindku li hija barra mill-pajjiż u tistaqsuha?”

F’dawn in-nirien li żgur se nsiru nafu aktar dettalji tad-devastazzjoni li kkawżaw, issejħu aktar minn 1,500 pumpieri ta’ Kalifornja biex jikkontrollawhom. Dan b’riskju anke għal ħajjithom. Mentri, gwardji nazzjonali tal-istess stat talbu l-għajnuna tal-militar ħalli jassistuhom. Sal-Ħamis li għadda total ta’ 600 ħaddiema tas-servizz minn Cal Guard marru fuq il-post mgħammra b’apparat apposta inkluż ajruplani biex jikkontrollaw dawn in-nirien. Sal-Ġimgħa s-sitwazzjoni kienet għadha mhux kontrollata u l-awtoritajiet waslu biex irrilaxxaw 783 priġunieri li kienu pumpieri ħalli jgħinu wkoll.

Sadanittant, minn intervisti ma’ residenti milquta, ingħad li mal-firxa tan-nirien kien hemm ħafna paniku u taħwid fejn jidħol kordinament. Fost residenti li d-dar tagħhom inħarqet hemm ilmenti li xi kumpaniji tal-assikurazzjoni għarfuhom li mhumiex se jkopru l-ispejjeż ikkawżati minn dawn in-nirien. Residenti evakwati mhux biss tilfu dak kollu li kellhom f’dawn in-nirien iżda issa jinsabu f’sitwazzjoni inċerta ħafna jekk hux se jkollhom saqaf fuq rashom. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport