Monday, December 23, 2024

Devis Mangia jipprepara għal-logħbiet kontra l-Azerbaijan u l-Kuwajt

Aqra wkoll

F’konferenza stampa li saret fis-sala tal-konferenzi tas-Centenary Stadium, il-coach tat-team nazzjonali Malti, Devis Mangia, iffoka fuq il-futur u l-proġett fit-tul li għandha l-MFA sabiex ittella’ aktar players żgħażagħ li eventwalment jilbsu l-flokk tat-team nazzjonali Malti. 

Mangia kien qed jitkellem ftit jiem biss qabel ma Malta tilgħab f’tournament internazzjonali li se jsir f’pajjiżna fejn fil-25 ta’ Marzu se nilagħbu kontra l-Azerbaijan filwaqt li erbat ijiem wara naffrontaw lil Kuwajt. 

“Se nużaw dawn il-partiti sabiex naraw eżattament il-progress li għamel it-team nazzjonali. Huwa veru li ilna ma nilagħbu sa minn Novembru li għadda iżda l-players se jkunu miegħi speċifikament biex inkomplu fejn ħallejna.”

Mistoqsi dwar l-aħħar partiti ta’ kwali­fikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li saru f’Novembru li għadda fejn sofrejna telfiet kbar kontra s-Slovakkja u l-Kroazja, Mangia sostna li saru xi żbalji li ssarrfu f’diversi goals u bid-difiża li kienet fraġli f’xi mumenti. 

“Il-mument li bdejna nħallu lill-avversarji tagħna jilagħbu l-logħob tipiku tagħhom filwaqt li naqqasna l-pressing tagħna, kien il-mument li qlajna dawk il-goals u li sfortunatament ma kellniex reazzjoni għalihom.”

Devis Mangia kompla jgħid li hemm bżonn il-paċenzja rigward ir-riżultati miksuba min-naħa tat-team nazzjonali Malti għax hemm proċess ta’ bidla li tieħu ż-żmien. Huwa spjega lill-ġurnalisti li qed iħares ħafna lejn il-futur u b’mod partikolari qed jara diversi players żgħażagħ fl-azzjoni u dan hu ta’ pjaċir tiegħu li hawn talenti li qed jiżviluppaw għalkemm għadu kmieni għal xi wħud.

Hu semma l-eżempju ta’ Cain Formosa li ssejjaħ mat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena u minkejja li seta’ sejjaħlu mal-iskwadra tal-kbar, bħala coach jixtieq li l-player jiżviluppa bil-mod qabel ma jgħajjatlu għal kompetizzjonijiet ferm aktar kompetittivi. 

Mistoqsi wkoll għaliex ħalla barra players li kienu qed jilagħbu tajjeb matul dan l-istaġun fil-kampjonat, jiġifieri, Aidan Jake Friggieri ta’ Gudja United u l-goalkeeper ta’ Sirens Jonathan Debono,  Mangia qal li l-bieb tat-team nazzjonali huwa miftuħ għal kulħadd għalkemm kull deċiżjoni li jagħmel dejjem tkun ibbażata fuq waħda tattika.

Semma’ wkoll il-players Maltin li jilagħbu fl-Italja, bħal Matthew Guillaumier li jilgħab ma’ Siena u Alexander Satariano li qiegħed fil-kotba ta’ US Pergolettese. Hu sostna li dawn il-players qed jieħdu esperjenza notevoli fl-Italja u anke hawn hemm lok ta’ paċenzja sakemm jistabilixxu ruħ­hom fl-iskwadri rispettivi tagħhom.

Mangia rrefera għall-partiti li ġejjin kontra l-Kuwajt u l-Azerbaijan fejn sostna li huma testijet importanti għal-logħbiet li għandhom aktar kmieni dan is-sajf fil- UEFA Nations League.

“Studjajt sew lill-avversarji tagħna u se nkunu qed nippreparaw tattika partikolari sabiex niksbu r-riżultat mixtieq. Minkejja kollox, dawn huma logħbiet ta’ ħbiberija u għalhekk fl-istess ħin se nkun qed nipprova aktar players biex nara l-livell kif ukoll il-kundizzjoni fiżika tagħhom.”

Mangia għamel sitt bidliet mill-iskwadra li sejjaħ għall-logħbiet kontra s-Slovakkja u l-Kroazja fejn fost l-oħrajn qed jirritorna Steve Borg li kien imweġġa’ u li issa jinsab f’siktu. 

Fl-istess waqt, id-difensur internazzjo­nali ta’ Hibernians, Andrei Agius, se jkun qed jilgħab l-aħħar logħba tiegħu mat-team nazzjonali fil-partita kontra l-Azerbaijan. 

S’issa huwa lagħab 102 partiti bil-flokk aħmar ta’ Malta u skorja sitt goals. Huwa għandu 35 sena.

Malta tilgħab kontra l-Azerbaijan, nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu, fis-7.00 pm, fl-Istadium Nazzjonali biex erbat ijiem wara taffronta lill-Kuwajt, fl-istess ħin. 

F’Malta se jkun hawn ukoll il-Litwanja li se jilagħbu wkoll kontra l-Kuwajt u l-Azerbaijan. 

Ekonomija

Sport