Tuesday, March 10, 2026

Dħul ieħor sostanzjali tal-pensjonant ukoll mhux se jkun taxxabbli

Aqra wkoll

Lura fl-2022 il-Gvern beda proċess li jara kif persuna li tkun qed tirċievi l-pensjoni u jkollha dħul ieħor, id-dħul tagħha ma jiġix meħud kollu f’daqqa għal fini ta’ taxxa. Eluf ta’ pensjonanti kienu qed jinqabdu b’rati ta’ taxxa ta’ 25%. Dan wara li fl-2016 bdejna l-ewwel pass li bih sal-ekwivalenti tal-pensjoni massima tas-sigurtà soċjali kien għall-ewwel darba eżentat mill-ħlas tat-taxxa u permezz t’hekk eluf kbar ta’ pensjonanti ma baqgħux taxxabbli. Minkejja dan sal-2021 pensjonijiet li jaqbżu l-ekwivalenti tal-pensjoni massima jew dħul ieħor tal-pensjonant baqgħu taxxabbli.

Għaldaqstant matul dawn l-aħħar ħames snin beda proċess fejn kull sena bdew jiġu injorati wkoll 20% addizzjonali kull sena tad-dħul mill-pensjoni u dħul l-ieħor magħdud flimkien sakemm din is-sena tkun twettqet din il-miżura fit-totalità tagħha. B’dan il-mod persuni li għandhom pensjoni tas-servizz jew pensjoni privata jew ikollhom top-up addizzjonali għax ipposponew il-pensjoni issa wkoll mhumiex iħallsu taxxa fuq il-pensjoni sħiħa jew fuq il-pensjonijiet li jkollhom.

Għalhekk, issa li l-pensjoni jew pensjonijiet huma prattikament eżentati kollha u allura bla taxxa, id-dħul l-ieħor biss li jkollu pensjonant, se jkun qiegħed jiġi ntaxxat bir-rati normali u mhux magħdud iżjed mal-pensjoni. Persuna li tħallas bir-rati singoli għalhekk se jkollha l-ewwel €12,000 eżenti fi dħul ieħor mill-ħlas tat-taxxa, filwaqt li persuna li tħallas bil-komputazzjoni tal-miżżewġin ikollha l-ewwel €15,000 ta’ dħul ieħor eżenti mill-ħlas ta’ taxxa. Kull frankar ta’ 20% ifisser madwar €25 miljun aktar fis-sena fil-bwiet tal-pensjonanti. Għal ħafna ħaddiema pensjonanti dan ifisser li issa se jkunu qed jiffrankaw mat-€3,000 taxxa fis-sena.

F’dan il-Budget għaldaqstant il-Gvern mar lil hinn minn hekk. Permezz tal-Avviż Legali li ddaħħal fl-aħħar ġranet, il-pensjonanti mhux se jħallsu taxxa fuq dħul li ġej minn pensjoni sad-doppju tal-pensjoni massima. Din il-miżura se tħalli €25 miljun oħra fil-bwiet ta’ 16,000 anzjan. U mhux se jħallsu taxxa fuq l-ewwel €12,000 sa €15,000 minn dħul ieħor.

Dan ifisser li pensjonant b’komputazzjoni ta’ single mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel €37,104 minn pensjoni u €12,000 minn dħul ieħor. Ifisser ukoll li pensjonant b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel €37,104 minn pensjoni u €15,000 minn dħul ieħor.

Biex nagħtu eżempju pensjonant b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ li jirtira dis-sena bil-pensjoni massima u b’top up addizzjonali ta’ 4 snin posponiment tal-pensjoni se jiffranka taxxa fuq it-€23,349 pensjoni li jirċievi u fuq €15,000 fi dħul ieħor, allura fuq total ta’ €38,349 f’pensjoni u dħul ieħor.

Pensjonant b’komputazzjoni singola li jirtira dis-sena bil-pensjoni massima u b’top up addizzjonali ta’ 4 snin posponiment tal-pensjoni se jiffranka taxxa fuq it-€23,349 pensjoni li jirċievi u fuq €12,000 fi dħul ieħor, allura fuq total ta’ €35,349 f’pensjoni u dħul ieħor. Pensjonanti tas-servizz jew li għandhom pensjoni privata jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni akbar minn hekk.

Dan huwa l-Gvern li neħħa l-pensjoni mill-friża. Illum aktar minn 100,000 pensjonant qed igawdu mill-ħdax-il żieda fil-pensjoni. L-inqas pensjoni llum kienet il-pensjoni massima tlettax-il sena ilu. Il-Gvern se jibqa’ kommess li jwieżen il-pensjonanti u fi żmien ta’ sfidi internazzjonali jiggarantixxi li l-pensjonanti jibqgħu jirċievu żidiet li jkomplu jgħinuhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport