Thursday, August 21, 2025

Dibattitu Alex Borg u Adrian Delia 

Delia jgħid li meta kkontesta Borg kienet l-akbar telfa li qatt sofra l-PN f’Għawdex bi tlett Ministri għal Partit Laburista.

Aqra wkoll

Iż-żewġ kandidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg u Adrian Delia  ġew wiċċ’im wiċċ għall-ewwel darba f’dibattitu wara pressjoni li saret lill-Partit Nazzjonalista hekk kif fis-sett ta’ regoli li kien ħareġ kien eskluda li dan id-dibattitu jsir.

Ħafna drabi jirrepetu dak kollu li ilhom jgħidu, Alex Borg iffoka ħafna fuq dak li skont hu rnexxielu jagħmel f’Għawdex fosthom “li jirbaħ lil 3 Ministri tal-Gvern”. Borg stqarr li llum il-ġurnata Għawdex reġa’ ġie kif kien taħt Fenech Adami… “kulħadd kuntent bil-Partit Nazzjonalista”. Iżda tul id-dibattiru Adria Delia waqqa’ għal kollox dak li kien qiegħed jipprova jgħid Alex Borg fejn qal li “tajjeb ngħid lil sieħbi Alex li meta kkontesta hu l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista ġab l-agħar riżultat elettorali li qatt ġab f’ħafna snin.”

Ir-risposta ta’ Borg qal li hu jrid partit magħqud u mhux wieħed iwaħħal fl-ieħor filwaqt li qal li xi ħaġa għażiża għalih hija r-ritratt li għandu ma’ Adrian Delia wara l-aħħar elezzjoni fejn il-PN rebaħ lil Għawdex.

Iżda b’risposta għal dan, Delia qal li f’Għawdex fl-aħħar elezzjoni għall-Partit Nazzjonalista ma kienx kollox ward u żahar u mhux veru li l-PN rebaħ l-elezzjoni f’Għawdex. Iżda Borg fl-intervent ta’ wara qal li f’Għawdex kien hemm kunsillieri nisa ġodda li telgħu f’isem il-PN u anke kien hemm kunsilli li minn tmexxija tal-PL marru lejn il-PN.

Mistoqsija kif għandu jkun il-Kap il-ġdid tal-PN, Alex Borg qal li ħafna nies jiltaqgħu miegħu u jgħidulu li l-mexxej il-ġdid irid ikun “ġellied”, iżda hu jemmen li l-kap il-ġdid irid jibni l-pontijiet u jirbaħ il-qlub u l-imħuħ tan-nies. “Il-Kap irid ikun li jisma’ lil dawk l-eluf ta’ votanti li huma ofrni fil-politika u spiċċaw ma jivvotaw lil ħadd,” qal Alex Borg.

Min-naħa tiegħu għall-istess mistoqsija Delia qal li l-Partit mhux jikber għandu bżonn, iżda li jirbaħ. “Għax partit jeżisti beix jirbaħ elezzjoni u jkun fil-Gvern biex b’hekk jagħmel il-ħajja tan-nies aħjar,” qal Delia filwaqt li sostna li jrid aktar nisa jipparteċipaw fil-politika u anke żgħażagħ li mhux biss jersqu lejn il-PN, imma wkoll ikunu attivi fil-politika.

Delia semma inizjattivi li skont hu kien ħa hu meta kien imexxi l-Partit Nazzjonalista li “llum il-ġurnata qegħdin iħallu l-frott”. Fl-intervent tiegħu Delia kompla jattakk lill-Gvern fejn stqarr li dan hu “Gvern li jinxtara” u timxi “‘l quddiem skont min int”.

Alex Borg semma kif hu ma daħalx fil-politika meta daħal fil-Parlament, iżda qal li “jien ma nafx ngħix mingħajr politika minħabba li jien trabbejt fil-politika,” filwaqt li semma lill-mibki missieru u lill-eks Ministru Giovanna Debono.

Mistqosi x’se jkun qiegħed jagħmel biex iġib il-fiduċja tan-nies, Adrain Delia qal li hu tajjeb li l-poplu ma baqax ankrat ma’ partit wieħed għax hekk jidher li l-poplu qiegħed jaħseb u jixtarr x’inhu l-aħjar għalih. “Jien ma narax din bħala problema iżda bħala opportunità. Mhux bilfors taqa’ qalbek mill-politika meta tagħmel 12-il sena taħt Gvern korrott li mhux kulħadd qiegħed jingħata opportunità,” qal Delia filwaqt li mill-ġdid semma l-kwistjoni tal-popolazzjoni.

Adrian Delia kompla jgħid li aħna rridu nifmhu li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jagħmel politika nadifa u politika tan-nies. “Il-messaġġ irid ikun dirett lejn is-setturi differenti u b’hekk nerġgħu ningħaqdu man-nies,” tenna Delia.

Min-naħa tiegħu Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista mhux qiegħed hemm biex ikun fl-Oppożizzjoni, iżda jkun partit rebbieħ u jiggverna. Għalhekk Borg qal li hemm bżonn Kap Eżekuttiv biex imexxi l-finanzi tal-partit filwaqt li s-Segretarju Ġenerali jkun qed jara kif qed jasal il-messaġġ tal-partit għand in-nies.

Delia fil-pront wieġeb li hu ma jaqbilx li l-finanzi tal-partit ikun f’idejn persuna li tkun appuntata mill-Kap filwaqt li qal li skont l-istatut is-Segretarju Ġenerali għandu dan l-irwol. “Is-segretarju Ġenerali għandu jkollu l-uffiċju tiegħu msaħħaħ u mhux imnaqqas. Din bħal proposta ta’ Borg li jkun hemm żewġ deputati mexxejja… Ma tistax issir għax l-istatut ma jippermettix,” tenna Delia b’botti kontinwi li kien qiegħed jgħaddi lil Borg.

Alex Borg, iżda mill-ġdid tenna li għalkemm hu jirrispetta l-istatut tal-Partit, jemmen li għandu jkun hemm tiġdid biex il-Partit Nazzjonalista jibda miexi ‘l quddiem.

Dwar l-abort u awtenasja, iż-żewġ kandidati qalu li ma jaqblux magħha filwaqt li qalu li jagħti free vote lid-deputati Nazzjonalisti.

Alex Borg biex isaħħaħ l-argument tiegħu dwar l-ewtenasja semma esperjenza personali dik tal-mewt ta’ missieru. Iżda għal din Delia kkummenta li hu kellu xorta li jara lil Anthony Borg ftit tal-ġrament qabel ma miet, hu kien qallu “ħudli ħsieb lit-tifel… u jien hekk għamilt u hekk qiegħed nagħmel.”

Il-kandidati ġew mistoqsija wkoll dwar l-NGOs li hawn f’pajjiżna. Alex Borg qal li l-NGOs huma importanti ħafna fis-soċjetà, iżda dawn kollha għandhom l-aġenda tagħhom. Tenna li Partit Politiku mhux NGO minħabba dan partit irid jagħmel politika li biha jitmexxa pajjiż.

Fl-istess waqt hu rikonoxxa l-ħidma li skont hu saret u qiegħda ssir mill-Għaqda Repubblika li skont Borg “kawża tal-pressjoni li għamlet din l-NGO waqa’ l-Gvern ta’ Joseph Muscat.”

Min-naħa tiegħu Delia qal li partit għandu dejjem jitkellem mal-NGOs, iżda wara li jisma’ imbagħad irid ikun il-partit “u l-partit biss” li jiddeċiedi l-politika tiegħu.

Dwar il-politika barranija, Adrian Delia filwaqt li faħħar il-ħidma li qiegħda tagħmel Roberta Metsola, qal li kien il-Partit Nazzjonalista li ressaq il-pajjiż lejn l-Ewropea hekk kif taħt il-Labour l-alleati kienu dawk tal-Libja u tal-Korea ta’ Fuq.

Alex Borg dwar l-istess suġġett qal li hu kieku jirrikonoxxi Stat Palestinjan issa stess u mhux jistenna sa Settembru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport